400,000 żagħżugħ mistennija fil-Panama

Panama City: il-belt li se tilqa' eluf ta' żgħażagħ u lill-Papa Franġisku għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Meta għad fadal għaxart ijiem għall-ftuħ uffiċjali tal-festi tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li din is-sena se jsir fil-Panama bejn it-22 u s-27 ta’ dan ix-xahar, l-organizzaturi qed jistmaw li madwar 400,000 żagħżugħ u żagħżugħa mistennija jaslu minn barra l-pajjiż biex jipparteċipaw fl-34 edizzjoni ta’ din il-ġurnata mportani għad-dinja Kattolika.

Elf minn dawn se jkunu żgħażagħ indiġeni li se jaslu fil-Panama mill-ħames kontinenti biex se jieħdu sehem f’avvenimenti speċjali mfassla għalihom li se jsiru bejn is-16 u d-19 tax-xahhar. B’kollox 155 pajjiż mistennija jkunu rappreżentati f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, apparti naturalment iż-żgħażagħ tal-Panama.

Giancarlo Candanedo, kelliem għall-organizzaturi ta’ dan l-avveniment tkellem ma’ “Vatican News” dwar kif in-nies tal-Panama qed iħejju għal dan l-avveniment storiku.

“L-ewwel u qabel kollox qed inħejju ruħna permezz tat-talb. Ma rridux ninsew li din hi sfida qawwija għal pajjiż żgħir bħal tagħna. Il-Papa xtaq li jagħti din ir-responsabbiltà mhux lill-Panama biss imma lill-Amerika Ċentrali kollha u lill-Episkopati ta’ dan ir-reġjun”.

Il-ġimgħa li għaddiet urejna l-popemobile li nħadmet min-nies tal-lokal li huma kburin li ħolqu huma l-vettura għall-użu tal-Papa Franġisku.

Novita’ oħra hi li fil-pakkett li kien preparat biex jitqassam lill-pellegrini li se jaslu f’Panama City għal dan l-avveniment tpoġġiet kuruna maħduma bl-idejn minn familji fqar minn Betlehem.  B’kollox inħadmu miljun u nofs kuruna.

Għall-ewwel darba minn kemm ilu jkun organizzat il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, il-Gvern tal-pajjiż ħoloq struttura amministrattiva apposta biex tgħin fl-organiżazzjoni u b’hekk ix-xogħol sar eħfef. B’hekk il-Knisja sabet għajnuna kbira, qal il-kelliem tal-organiżżaturi.

Din is-sena l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ se jkun ukoll esperjenza inte-reliġjuża billi sinagoga tal-Lhud f’Kol Shearith, offriet li tilqa’ pellegrini Kattoliċi meta saret taf li hemm  bżonn ta’ aktar postijiet fejn joqgħodu l-madwar 400,000 pellegrin li mistennija jattendu għal dan l-avveniment.

Żgħażagħ mill-ħames kontinenti se jipparteċipaw.  L-aktar gruppi numerużi mistennija minn pajjiżi tal-Amerika Latina u l-Istati Uniti.  L-Ewropa wkoll se tkun rappreżentata tajjeb minn eluf ta’ żgħażagħ.

Father Michele Falabretti, Kap tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Ministeru taż-Żgħażagħ tal-Konferenza Episkopali Taljana ikkonferma li se jkun hemm ħafna żgħażagħ Taljani fil-Panama. “Minkejja d-diffikultajiet, in-numru tat-Taljani hu aktar minn dak li konna qed nistennew. Kważi 1,300 żagħżugħ u żagħżugħa Taljani se jkunu fil-Panama. Dan hu numru tajjeb għax biex tmur in-naħa l-oħra tad-dinja fiċ-ċirkostanzi attwali tagħna, mhux faċli”.

Barra minn dawk li se jivjaġġjaw lejn il-Panama f’diversi parroċċi f’ħafna pajjiżi se jkunu organizzati velji u laqgħat ta’ talb u riflessjoni biex jikkoinċidu ma dak li jkun qed iseħħ f’Panama City.