400 talba għall-għajnuna lill-Enemalta wara l-maltemp ta’ tmiem il-ġimgħa

Il-Korporazzjoni Enemalta wieġbet għal aktar minn 400 talba għall-għajnuna mingħand klijenti u mill-pubbliku biex tirranġa ħsarat ikkawżati mill-maltemp li laqat lil Malta fi tmiem il-ġimgħa.
Il-maltemp għamel ħsara f’cables tal-elettriku, f’arbli u f’għadd ta’ dwal tat-toroq.
L-Enemalta daħħlet għax-xogħol għadd ta’ tekniċi tad-distribuzzjoni żejda biex ikunu jistgħu jgħinu lill-kollegi tagħhom iwieġbu għat-talbiet li daħlu. Il-ħidma baqgħet għaddejja lejl u nhar matul tmiem il-ġimgħa sat-Tnejn filgħodu.
Fi stqarrija, il-korporazzjoni qalet li tat prijorità lil rapporti ta’ ħsarat li ħallew klijenti mingħajr provvista jew fejn kien hemm sitwazzjonijiet perikolużi.