400 persuna japplikaw għaċ-ċittadinanza Maltija

Il-kumpanija Henley and Partners  qalet li fi żmien sena ntefgħu aktar minn 400 applikazzjoni fil-programm taċ-ċittadinanza b’investiment. 
Dan ifisser li l-applikazzjonijiet se jiġġeneraw f’Malta iktar minn €450 miljun f’investiment barrani. 
Fi stqarrija, il-kumpanija sostniet li l-applikazzjonijiet saru minn persuni li ġejjin minn 40 pajjiż differenti.
L-investiment mill-iskema taċ-ċittadinanza jinkludi depożiti, bonds, proprjetà u hu ekwivalenti għal madwar €10 miljun kull ġimgħa. 
Henley and Partners, li qed tieħu ħsieb din l-iskema, qalet ukoll li nħarġu l-ewwel ittri ta’ approvazzjoni u ċ-ċertifikat li jagħti l-jedd għaċ-ċittadinanza Maltija sejirċievuh ġaladarba jonoraw l-obbligi tagħhom b’investiment, residenza u kontribuzzjonijiet oħra.