400 ħabsi jaħarbu minn ħabs fi Tripli

Reuters

Madwar 400 ħabsi ħarbu minn ħabs fil-kapitali tal-Libja, Tripli waqt li kien hemm ġlied minn gruppi rivali armati viċin il-ħabs. Skont Reuters dan intqal minn uffiċjal ġudizzjarju wara li n-Nazzjonijiet Maqgħuda talbet għaż-żewġ gruppi li daħlu fi gwerra biex jiltaqgħu għada u jitkellmu.

Il-ħabsin issaraw mal-bibien tal-ħabs Ain Zara sakemm infetħu tant li għamluha impossibbli għall-gwardji biex iwaqqfuhom, skont messaġġ mill-pulizija tal-pajjiż fuq il-midja soċjali. Il-ħabs jinsab fin-Nofsinhar ta’ Tripli, żona li ġiet milquta minn ġlied kbir bejn żewġ gruppi rivali fl-aħħar ġimgħa.

Il-ġlied beda l-ġimgħa li għaddiet bejn is-Seventh Brigade li ġejjin mill-villaġġ ta’ Tarhouna kontra Tripoli Revolutionaries’ Brigade u n-Nawasi. Dawn huma wħud mill-aktar gruppi armati fil-belt. Il-Gvern iddikjara stat ta’ emerġenza fil-pajjiż kawża ta’ dan. Minkejja li l-Gvern huwa formalment inkarigat mit-tmexxija tal-pajjiż għandu ftit wisq kontroll fuq il-Belt Kapitali fejn bosta gruppi armati joperaw b’awtonomija u mmotivati mill-poter u l-flus.