400 atleta f’Malta għat-Tazza tad-Dinja tal-Isparar

Aktar minn 400 atleta minn 61 pajjiż minn madwar id-dinja waslu Malta sabiex jibdew il-kompetizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja tal-Isparar fix-shooting ranges Nazzjonali f’Ta’ Kandja.
Dawn se jkunu qed jikkompetu matul l-10 ijiem li ġejjin.
Iċ-ċerimonja tal-ftuħ kienet imżewwqa b’mużika, żfin u nar, u kellha l-isem ta’ Aiming High, li hija wkoll l-isem tad-diska uffiċjali tat-Tazza tad-Dinja.
Filwaqt li spjega l-unur li Malta qed tospita din il-kompetizzjoni, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima sostna li din għamlet realtà l-ħolma tad-dilettanti u atleti Maltin li jħabbtuha mal-aqwa talent tad-dinja f’pajjiżhom stess.
Il-logħob uffiċjali ta’ din il-kompetizzjoni jibda llum bl-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni għat-tiraturi nisa fid-dixxiplina tal-iskeet. Il-kompetizzjoni tibqa’ għaddejja sal-15 ta’ Ġunju.
Min huma l-11-il atleta li se jirrappreżentaw lil Malta u Għawdex?

  • Marcello Attard – Skeet
  • Marlon Attard – Skeet
  • Jason Sciberras – Skeet
  • Darren Vella – Skeet
  • Bozhidar Dimitrov – Skeet
  • Nazzareno Attard – Trap
  • Mario Buhagiar – Trap
  • Gianluca Chetcuti – Trap
  • William Chetcuti – Trap
  • Brian Galea – Trap
  • Mikaela Galea – Trap

Xi tgħid il-kanzunetta uffiċjali tat-Tazza tad-Dinja tal-Isparar?
It-Tazza tad-Dinja tal-Isparar f’Malta għandha wkoll il-kanzunetta uffiċjali tagħha bl-isem ta’ Aiming High.
Il-kanzunetta kantata mill-kantanti lokali Christabelle u Amber, tissimbolizza t-twemmin li d-daqs ta’ pajjiż ma jillimitax l-ambizzjoni tiegħu.
Id-diska tirrakonta l-impatt pożittiv tal-isport fl-ispirazzjoni ta’ komunitajiet madwar id-dinja u l-għaqda bejniethom.
Il-kanzunetta għandha mużika ta’ Elton Zarb u kitba ta’ Amber Bondin. Il-produzzjoni tagħha kienet f’idejn Robert Korzeniewski minn Wicked and Loud u r-recording sar minn Matteo Depares. Id-diska għandha wkoll is-sehem ta’ Pamela Bezzina u Glen Vella bħala backing vocals

Ritratti: DOI – Jason Borg, Pierre Sammut