40% tal-mard mentali jibda qabel nagħlqu 15-il sena

Jiżdiedu n-nies bi problemi ta’ saħħa mentali fi żmien il-pandemija tal-coronavirus

L-istatistika turi li 40% tal-mard ta’ saħħa mentali jkun diġà qiegħed fil-ħajja tal-persuna qabel tagħlaq 15-il sena. Dan jindika li l-pandemija tal-coronavirus se tħalli effett fuq is-saħħa mentali tat-tfal.

Dan qalitu Gertrude Buttigieg, mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, waqt il-programm Newsbook Hour fuq l-istazzjon tar-radju 103.  Hi fissret li l-mard mentali fl-adulti jkun diġà beda fit-tfulija tagħhom, u li minħabba li “ċ-ċirkostanzi li qed ngħixu bħalissa ma huma normali xejn qed ikun hemm piż żejjed fuq is-saħħa mentali tat-tfal”.

X’affettwa lit-tfal?

  • Minn Marzu ma baqgħux imorru skola u ma kellhomx closure mal-għalliema u sħabhom.
  • Minn Marzu twaqqaf il-ħin li t-tfal kienu jqattgħu man-nanniet, minħabba li huma persuni vulnerabbli u aktar suxxettibbli għall-virus

“Din hi ġenerazzjoni li se tibqa’ mmarkata”

Minkejja li semmiet ukoll li t-tfal iggwadanjaw ukoll għax ħafna ġenituri qed iqattgħu iktar ħin id-dar, Gertrude Buttigieg saħqet li din il-ġenerazzjoni se tibqa’ mmarkata, bħalma baqgħu mmarkati dawk li għexu l-gwerra jew dawk li għaddew minn xi trawma.

X’jistgħu jagħmlu l-ġenituri?

L-uffiċjal fi ħdan l-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali appellat lill-ġenituri biex:

  • jaraw kif qed isibu saqajhom f’din is-sitwazzjoni u jgħidu lil uliedhom li huma wkoll imbeżża’ għax qed jaffaċċjaw diffikultajiet u sitwazzjonijiet ta’ inċertezza.
  • Jaqsmu l-biża’ magħhom imma ma jitfgħuhiex fuqhom. B’hekk iħossuhom komdi li l-biża’ hi komuni u jistgħu jiftħu qalbhom.

Meta għandek tieħu azzjoni?

Gertrude Buttigieg insistiet li l-ħajja ta’ ħafna qed tiġi affettwata minn toqol mentali, biża’, ansjetà u fissazzjonijiet fosthom fuq l-indafa.

“Id-domanda għall-għajnuna żdiedet fl-aħħar erba’ ġimgħat. Kien hemm żieda kbira ta’ persuni li kellhom bżonn kura mhux volontarja, jiġifieri ta’ madwarhom ifittxu l-għajnuna u wara konsultazzjoni mal-psikjatra u tabib, ġieli jkollhom bżonn jiddaħħlu għall-kura kontra l-volontà tagħhom”, kompliet tgħid.

Semmiet ukoll id-diversi barranin li m’għandhom la familja u lanqas sapport, li għandhom bżonn l-għajnuna. Iċċarat li kulħadd jiġi trattat l-istess, kemm jekk Malti kif ukoll barrani.

Buttigieg saħqet li jekk wieħed jinnota xi aġir mhux tas-soltu bħal rabja żejda, nuqqas ta’ rqad, ikel żejjed jew nieqes, nuqqas ta’ aptit, rikorrenza għas-sigaretti, alkoħol jew droga, għandu jfittex l-għajnuna.

X’għandek tagħmel?

  • Jekk diġà tieħu l-kura, fittex l-għajnuna mit-team li jsegwik
  • Fittex l-għajnuna tat-tabib tal-familja jew taċ-ċentri tas-saħħa
  • Ċempel lil help lines li jagħtu għajnuna professjonali u jiggwidawk fejn issib l-għajnuna. Jekk issib it-telefown okkupat taqtax qalbek, erġa’ prova.
  • Idħol f’kellimni.com – pjattaforma online fejn wieħed jista’ jiftaħ qalbu. Dan is-servizz hu bla ħlas għal żgħażagħ bejn is-16 u t-30 sena.

Rappurtaġġ Addizzjonali: Jes Saliba, Liz Cutajar

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn