40 sewwieq imħarrkin fi spezzjonijiet f’Baħar iċ-Ċagħaq

pulizija spezzjoni
CMRU

Read in English.

Dalgħodu, waqt spezzjonijiet li għamlu l-pulizija f’Baħar iċ-Ċagħaq, tħarrku 40 persuna.

L-ispezzjonijiet saru mill-Pulizija tat-Traffiku assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u tal-MT Garage, flimkien ma’ Transport Malta fi Triq il-Kosta.

10 mill-40 persuna mħarrkin tħarrku minħabba ħsejjes eċċessivi li jagħmlu l-vetturi tagħhom. L-ogħla ħoss reġistrat kien ta’ 128db minn mutur, u l-limitu preskritt mil-liġi hu ta’ 119-il db.

Il-persuni l-oħra ġew imħarrkin għax ma kinux libsin iċ-ċintorin tas-sigurtà, għax kienu qed isuqu karozza mingħajr liċenzja jew mingħajr pjanċi ta’ reġistrazzjoni.

L-ispezzjonijiet tal-bieraħ

Apparti l-ispezzjonijiet ta’ dalgħodu, ilbieraħ saru wkoll spezzjonijiet fiż-Żejtun u f’Tas-Sliema.

Taż-Żejtun saru mill-Pulizija tad-Distrett taż-Żejtun, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u mill-Forzi Armati ta’ Malta. F’dawn instabu erba’ persuni li kienu qed isuqu taħt l-effett tal-alkoħol, filwaqt li persuna oħra rrifjutat li tagħmel it-test tal-kampjun tan-nifs.

Fl-ispezzjonijiet ta’ Tas-Sliema li saru minn membri tar-Reati Maġġuri flimkien mal-Pulizija tad-Distrett ta’ Tas-Sliema, twaqqfet vettura li kienet qed tinstaq mingħajr liċenzja tas-sewqan, mingħajr assigurazzjoni, mingħajr waħda mill-pjanċi tar-reġistrazzjoni u kienet qed tiġi misjuqa bi klampi mwaħħlin mar-roti. Fuq waħda mill-passiġġieri li kienu f’din il-vettura nstabet ukoll sustanza suspettata kokaina.

Il-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ.