40 sena: Minn Cindirella għal Jack and the Beanstalk

Sebio Aquilina

B’kitba u direzzjoni ta’ Malcolm Galea, il-ħrafa klassika ġiet aġġornata b’kunċett ġdid u mhux tas-soltu li żgur se jinżel għasel mal-udjenzi Maltin — żgħar u kbar.

“Dejjem nieħu gost insib xi aspett divertenti fl-iskripts tal-pantomima tiegħi”, jispjega Malcolm. “Din id-darba mort għal lok medjevali, fejn iż-żagħżugħ Jack jagħmel minn kollox biex isir kavallier famuż iżda huwa wisq fqir biex jagħmel dan. Darba waħda, il-villaġġ tiegħu jisfa attakkat minn ġganti li jisirqu lit-tfajla li jħobb. Għalhekk, Jack ikollu jagħmel kuraġġ u jixxabbat mal-għeruq tax-xitla biex minn xejn isir eroj, minn ħadd isir xi ħadd, minn tellief isir leġġenda”.

Il-kast jinkludi lil Michael Mangion fir-rwol divertenti tad-Dama, kif ukoll lil Matthew Ben Attard, Katherine Brown, Joe Depasquale, Christina Despott, Rachel Tedesco Triccas, Audrey Scerri u Sean Briffa. Dan ifisser li għal darb’oħra, l-MADC se ttella’ pantomima b’kast impressjonanti magħmul minn artisti lokali magħrufa u oħrajn li qed jistabbilixxu ruħhom fix-xena.

“Tista’ tgħid li l-ispettaklu huwa wieħed kollettiv. Nieħu gost naħdem ma’ nies li naf – speċjalment jekk inkun qed nikteb djalogu għalihom. Daqslikieku qed naħdem ma’ familja,” jgħid Malcolm. “Kull sena nilqgħu nies ġodda u dejjem sabiħ li tarahom isaħħu l-ħiliet tagħhom. Persuni ġodda li jaħdmu bla qies u għandhom attitudni tajba spiss isiru kollaboraturi regolari”.

Fl-istess waqt, dawk li jaħdmu minn wara l-kwinti u li għandhom esperjenza kbira, huma essenzjali għas-suċċess ta’ kull pantomima daqs kemm huma l-membri tal-kast infushom.

Għal darb’oħra din is-sena flimkien ma’ Malcolm se jingħaqdu l-Maestro Paul Abela u Roger Tirazona sabiex jiżguraw li l-mużika tibqa’ ta’ livell għoli, filwaqt li l-koreografu Francesco Nicodeme jiffoka biex jipperfezzjona ż-żfin u l-moviment tal-kast matul l-ispettaklu. Is-sett, il-kostumi u l-valur tal-produzzjoni spettakolari li mdorrijin jistennew l-udjenzi Maltin minn kull pantomima tal-MADC mhux se jkunu ta’ diżappunt din is-sena, hekk kif Ray Farrugia qed jiddisinja s-sett filwaqt li Isabel Warrington qed tiddisinja l-kostumi.

Peress li Jack and the Beanstalk se tkun il-pantomima li timmarka l-40 anniversarju mill-produzzjoni ta’ Cinderella li tella’ l-Klabb fl-1978, l-opportunità li jkun parti minn din il-produzzjoni hija speċjali b’mod partikolari għal Malcolm.

“Il-pantomima tal-Milied hija tradizzjoni ta’ kull sena għal ħafna nies u l-Milied ma jkunx l-istess mingħajrha. Kull meta nkun responsabbli tagħha, sew jekk bħala kittieb, direttur jew membru tal-kast, niżgura li l-maġija tiġġedded għal sena oħra. Jack and the Beanstalk se tkun l-10 skript tal-pantomima tiegħi u huwa privileġġ uniku li naħdem fuq spettaklu bħal dan.”

Jack and the Beanstalk se tittella’ fl-MFCC f’Ta’ Qali fis-7.30pm fit-23, 26, 27, 28, 29, u 30 ta’ Diċembru 2018 u fit-3, l-4 u l-5 ta’ Jannar 2019, b’rappreżentazzjonijiet matul il-jum jibdew fit-3pm fis-26, 29 u 30 ta’ Diċembru 2018.

Il-biljetti issa jinsabu għall-bejgħ fuq il-websajt tal-MADC. Il-prezz jibda minn €10 u l-biljetti għal tfal ta’ bejn it-3 u l-11-il sena huma disponibbli bi prezz ridott.

Tfal ta’ sentejn jew anqas jidħlu bla ħlas b’biljett apposta għalihom, iżda jrid ikollhom siġġu riżervat għalihom flimkien mal-ġenituri jew gwardjani.