40 pulizija tal-ALE miż-żamma tal-kwarantina għal mal-kaċċaturi

Read in English.

Kollox jidher li l-pjanijiet li jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa jinsabu fi stadju avvanzat. Dan hekk kif Newsbook.com.mt jinsab infurmat li 40 pulizija tal-ALE se jitneħħew miż-żamma tal-kwarantina u se jibdew jaqdu dmirhom għaż-żamma tal-ordni fost il-kaċċaturi.

Sorsi infurmati qalu lil Newsbook.com.mt li d-data tal-ftuħ tal-istaġun mistennija tkun nhar il-Ġimgħa 10 ta’ April.

Sa issa l-Gvern għadu ma ħareġ l-ebda stqarrija dwar dan iżda l-Kumitat Ornis, li ltaqa’ l-Erbgħa filgħaxija, rrakkomanda lill-Gvern biex jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa bejn l-10 u t-30 ta’ April. Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li kien hemm battibekk jaħraq bejn il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u l-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia dwar x’kellha tkun id-deċiżjoni.

Kaċċaturi San Ubertu laqgħet id-deċiżjoni tal-Kumitat ORNIS iżda innutat b’dispjċir li għar-raba’ sena konsekuttiva, l-Ornis ma kienx konvint bil-proposti biex jinfetaħ staġun għal gamiem. Il-kaċċaturi appellaw għal deċizjoni uffiċjali biex jinftaħ l-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa.

Newsbook.com.mt jingħaqad f’appell biex l-istaġun ma jinfetaħx

Fl-aħħar jiem, 10 għaqdiet volontarji ngħaqdu mal-appell tal-BirdLife lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex l-istaġun tal-kaċċa ma jinfetaħx din is-sena. Magħhom illum ingħaqdu diversi kmamar tal-aħbarijiet inkluż Newsbook.com.mt. Is-siti l-oħrajn huma Times of Malta, Malta Today, Illum, The Malta Independent, The Shift News u Gozo News.