Arrestati 40 pulizija; 25 bil-police bail

Aġġornat 11:14 AM

40 uffiċjal tal-pulizija ġew arrestati b’rabta mal-allegat abbuż mis-sahra. 25 minnhom ingħataw il-police bail u ġew sospiżi.

Dan ħabbritu l-Pulizija fi stqarrija dalgħodu, peress li sal-bieraħ kien hemm 37 uffiċjal arrestat u ħamsa minnhom ingħataw il-bail.

Żiedet tgħid li s’issa erba’ uffiċjali mit-Taqsima tat-Traffiku taw ir-riżenja tagħhom, li kollha ġew aċċettati. Ilbieraħ tħabbret ir-riżenja tas-Supretendent tat-Taqsima Walter Spiteri.

Il-Pulizija lbieraħ spjegat il-pjan ta’ kontinġenza tagħha li daħal fis-seħħ biex it-tqassim tax-xogħol fis-sezzjoni jibqa’ miexi b’mod normali. Filwaqt li uffiċjali minn sezzjonijiet oħra qed jassistu fl-immaniġjar tat-traffiku bl-użu ta’ vetturi mmarkati, it-Taqsima tat-Traffiku qed tingħata assistenza wkoll mil-LESA u minn Transport Malta.

“L-istituzzjonijiet qed jaħdmu u d-deċiżjonijiet ibsin qed jittieħdu” – Il-PM

Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għal dawn l-investigazzjonijiet waqt laqgħa li kellu mal-Unjin Ħaddiema Magħqudin (UĦM). Qal li l-fatt li l-Korp qed jinvestiga lilu nnifsu huwa turija li l-istituzzjonijiet qegħdin jaħdmu, u d-deċiżjonijiet ibsin qegħdin jittieħdu.

Qal li jħares ‘il quddiem biex jinħatar Kummissarju ġdid bis-sistema l-ġdida u ssir riforma fil-Korp tal-Pulizija.

DOI: Pierre Sammut

Dan l-iskandlu wasal anke fuq il-midja barranija, peress li ġie rappurtat minn The New York Times u Reuters.