“40 miljun persuna fi skjavitù”

Il-problema tal-iskjavitù hi problema tagħna lkoll u ħadd ma’ jista’ jdawwar wiċċu meta nafu li hawn almenu 40 miljun persuna fi skjavitù mferrxa fid-diversi partijiet tad-dinja. 
Din l-enfasi għamilha l-Papa Franġisku f’messaġġ li bagħat lil forum organizzat mill-Arċidjoċesi Ortodossa ta’ Buenos Aires li qed jiddiskuti t-tema tal-forom moderni tal-iskjavitù.
Dan hu x’qal il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku fil-messaġġ tiegħu:
L-iskjavitu mhix xi ħaġa tal-imgħoddi. Hi prattika li għandha għeruq fil-fond u qed tkompli timmanifesta ruħha llum f’diversi forom: traffiku ta’ persuni umani, esplojtazzjoni fix-xogħol, esplojtazzjoni tat-tfal, esplojtazzjoni sesswali u xogħol domestiku furzat huma l-aktar forom użati. Kull waħda minn dawn il-forom hi serja u inumana daqs l-oħrajn.
Minkejja n-nuqqas ta’ informazzjoni li għandna dwar ċerti reġjuni tad-dinja, iċ-ċifri huma għolja ħafna u aktarx huma anqas mir-realtà. 
Skont l-aħħar statistika, hemm aktar minn 40 miljun persuna, l-aktar nisa u tfal, li qed isofru l-iskjavitù. Kieku dawn jgħixu f’post wieħed jiffurmaw l-akbar metropoli, erba’ darbiet daqs Buenos Aires.
Iffaċċjati b’din ir-realtà traġika, ħadd ma jista’ jaħsel idejh u ma jkunx kompliċi f’dan id-delitt kontra l-umanità.
L-ewwel ħaġa li hemm bżonn nagħmlu hi li nimplimentaw strateġija biex ikun hemm għarfien akbar dwar dan is-suġġett u nkissru l-indifferenza li hawn fuq din il-parti tal-umanità li tant qed issofri. Donnu li hemm ħafna li ma jridux jifhmu u jaraw il-kobor ta’ din il-problema.
Hemm uħud li huma involuti direttament f’organizzazzjonijiet kriminali li ma jridux jitkellmu dwar il-problema għax minnha jaqilgħu flejjes kbar.  Hemm oħrajn li għalkemm jafu bil-problema iżda ma jitkellmux dwarha għax qed jixtru s-servizzi offruti mill-irġiel, nisa u tfal li nibdluhom fi skjavi.
Ma nistgħux naljenaw ruħna: irridu nħallu warajna kull forma ta’ ipokrezija u niffaċċjaw ir-realtà li aħna parti mill-problema. Din il-problema tinvolvi lilna wkoll.  Ma nistgħux inħarsu n-naħa l-oħra u ngħidu li ma nafux jew aħna innoċenti.
Ħaġa oħra li rridu nagħmlu hi li nieħdu azzjoni favur dawk li nbidlu fi skjavi, niddefendu d-drittijiet tagħhom u ma nħallux lill-korrotti u kriminali jaħarbu mill-ġustizzja u kollhom l-aħħar kelma fuq il-persuni esplojtati. 
Mhux biżżejjed li xi stati u organizzazzjonijiet internazzjonali jaddottaw politika ħarxa biex jikkastigaw l-esplojtazzjoni tal-persuni umani, jekk imbagħad il-kawża tal-problema ma niġġilduhiex.
Meta f’pajjiż ikun hemm il-faqar, il-vjolenza, u l-korruzzjoni, la l-ekonomija u lanqas il-qafas leġislattiv u anqas l-infrastruttura bażika ma jibqgħu effettivi; dawn ma jiggarantixxux is-sigurtà u anqas id-drittijiet fundamentali.  Hekk ikun aktar faċli biex min qed iwettaq dawn l-atti kriminali  jibqa’ jagħmel hekk impunement.
Hemm ukoll fatt soċjoloġiku: il-kriminalità organizzata u t-traffiku llegali tal-persuni jagħżlu l-vittmi tagħhom minn fost nies li m’għandhomx biex jgħixu u bla tama għall-futur.
Biex inkun aktar ċar: fost l-ifqar, fost dawk abbandunati u dawk imwarrba, jinsabu l-vittmi tal-problema. Ir-risposta bażika tagħna għandha tkun li noħolqu opportunitajiet għall-iżvilupp integrali uman, b’edukazzjoni ta’ kwalità: dan hu l-punt kruċjali, edukazzjoni ta’ kwalità sa minn età bikrija u nkomplu noħolqu opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp permezz tal-impjiegi. Edukazzjoni u xogħol.
Din il-biċċa xogħol kbira li titlob kuraġġ, paċenzja u perseveranza trid sforz golobali flimkien minn diversi atturi li jiffurmaw is-soċjetà.
Anke l-knejjes iridu jagħmlu l-parti tagħhom f’din il-ħidma.  Filwaqt li individwi u gruppi jispekulaw bla mistħija fuq l-iskjavitù, aħna l-Insara flimkien imsejħa biex nikkollaboraw dejjem aktar flimkien biex negħilbu d-diversi tipi ta’ inugwaljanza u diskriminazzjoni li huma dawk l-affarijiet li jagħmluha possibbli biex bniedem jagħmel persuna oħra skjava.
Hemm bżonn ta’ impenn komuni biex negħilbu din l-isfida u b’hekk inkunu nistgħu nibnu soċjetà ġdida, ħielsa, ġusta u fil-paċi.