40 mara juru interess fil-LEAD

Għalkemm fadal aktar minn ġimagħtejn biex jinfetħu l-applikazzjonijiet tal-inizjattiva LEAD tal-Partit Laburista, 40 mara diġà bagħtu s-CVs tagħhom, intqal waqt sessjoni ta’ Facebook live.
Waqt din is-sessjoni, il-pubbliku seta’ jsaqsi lill-Ewroparlamentari, Miriam Dalli, li qed tmexxi l-inizjattiva, u lill-kandidat tal-PL, Deborah Schembri, dwar il-LEAD.
Huma ħabbru li ltaqgħu ma’ interess sostanzjali, tant li minflok għal 12-il mara, kif kien il-pjan oriġinali, il-LEAD se jiftaħ għal 35 persuna.
Tħabbru wkoll l-ewwel żewġ mentors fil-programm, li huma l-Ministru għall-Ugwaljanza, Helena Dalli, kif ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo.
Il-programm jimmira li sal-2027 nofs il-kandidati fil-PL jkunu nisa, u biex tintlaħaq dil-mira se jiġu rreklutati u jiġi offrut mentoring lil nisa li huma interessati fil-politika.
L-applikazzjonijiet jinfetħu fit-28 t'Awwissu.
Biex tkun taf aktar dwar din l-inizjattiva żur www.lead.org.mt.