40 każ ġdid tal-coronavirus

Miguela Xuereb

Read in English.

Total ta’ 40 każi ġodda tal-coronavirus kienu kkonfermati matul il-jum tal-bieraħ, wara 3,030 swab test. Dan huwa numru rekord ta’ swabs f’jum wieħed.

Dan ħareġ mill-infografika maħruġa mill-Ministeru għas-Saħħa llum fejn kien spjegat li l-ammont totali ta’ każi attivi issa fil-pajjiż telgħu għal 699. Intant 18-il pazjenti ieħor jidher li fiqu.

Kien spjegat li ħamsa mill-każi l-ġodda huma qraba ta’ persuni li kienu diġà pożittivi għall-coronavirus, sitta kienu kuntatti diretti ta’ każi magħrufa, disa’ kienu kollegi ta’ każi pożittivi, tlieta kienu mill-cluster ta’ Paceville u żewġ każi kienu impurtati.

It-total ta’ swab tests li saru s’issa minn meta beda t-testing tela għal 166,348.

Il-każi ġodda rrappurtati issa wasslu sabiex l-għadd ta’ każi pożittivi li feġġew fil-pajjiż minn meta nstab l-ewwel każ jitla’ għal 1,510. B’kollox il-pandemija ħasdet il-ħajja ta’ disa’ persuni.