40 każ ġdid ta’ awtiżmu fis-sena

F’Malta madwar 1% tal-persuni qegħdin jitwieldu bl-awtiżmu, li dan ifisser madwar 40 każ ġdid fis-sena.
Waqt konferenza dwar l-ispettru tal-awtiżmu, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva l-liġi mressqa mill-Gvern dwar l-ispettru tal-awtiżmu bħala pass fid-direzzjoni t-tajba.
Joseph Muscat qal li sabiex is-soċjetà tkun aktar miftuħa biex tagħti aktar libertajiet lin-nies minn diversi oqsma, kulħadd għandu jikkontribwixxi għaliha. Semma kif din il-liġi se tkun waħda minn tal-ewwel fid-dinja u għalhekk Malta se sservi bħala eżempju għal pajjiżi oħra.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern impenjat b’risq aktar drittijiet għall-persuni b’diżabilità.
Huwa semma ftit mill-bosta miżuri li ttieħdu mill-Gvern, fosthom l-inċentivi fit-taxxa għall-employers biex iħaddmu 2% mill-impjegati tagħhom li jkunu persuni b’diżabilità, kontribuzzjoni minn min ma jaderixxix ma’ din ir-regola, pensjoni sħiħa għall-persuni b’diżabilità li jaħdmu, għaxart idjar għall-persuni b’diżabilità fil-komunità sal-aħħar tal-leġiżlatura, u l-Politika Nazzjonali għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.
Il-Membru Parlamentari Ewropew, Miriam Dalli, appellat għal djanjosi iżjed preċiża bil-għan li dawk affettwati bl-awtiżmu jkunu interċettati fl-istadju bikri tagħhom.
Fi stqarrija l-Ewro Parlamentari saħqet li “jeħtieġ strateġija Ewropea li tinkoraġġixxi r-riċerka, studji dettaljati u l-użu tal-aqwa prattiċi bbażati fuq l-evidenza bil-għan li uliedna jkunu ttrattati bl-aħjar mod, u l-adulti jingħataw appoġġ u servizzi ta’ rijabilitazzjoni adegwat.”
Ritratt: DOI: Pierre Sammut