40 karozza tal-linja ġdida għal rotot iżjed frekwenti

Tħabbru 40 karozza tal-linja ġdida miżjuda mal-flotta għal titjib tas-servizz tat-trasport pubbliku.

Apparti dan, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg flimkien mal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, ħabbru investiment fis-servizz tal-karozzi tal-linja b’żieda fil-frekwenzi għal ċerti rotot. Dan se jkun possibbli permezz tal-karozzi l-ġodda.

Il-Ministru Borg spjega kif mal-flotta preżenti ta’ 405 karozzi li tipprovdi s-servizz tat-trasport pubbliku, se jiżdiedu 30 oħra li se jwasslu għal żieda fil-frekwenzi ta’ ċerti rotot. Flimkien ma’ dawn it-30, hemm 10 vetturi oħra li se jissostitiwixxu 10 mill-flotta kurrenti.

Il-Ministru qal li dawn l-40 vettura li huma aktar effiċjenti u jiġġeneraw inqas emissjonijet, se jwasslu biex il-Malta Public Transport tkun tista’ iġorr aktar nies. Din iż-żieda fil-vetturi se twassal 4 miljun passiġġier aktar fis-sena jew 11,000 passiġġier kuljum fil-ħinijiet l-iżjed traffikużiDan l-investiment, qal il-Ministru, ifisser ukoll li l-vjaġġi se jiżdiedu b’66,000 vjaġġ ieħor fis-sena biex din il-flotta l-ġdida tkun qed tagħmel 1.17 miljun kilometru aktar matul l-istess sena.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li fil-baġit li jmiss se jkun hemm żieda fl-Obbligu għas-Servizz Pubbliku, bil-għan li jkun hemm iżjed għajnuna finanzjarja għaż-żieda fil-frekwenza ta’ ċerti rotot.

‘Għandha tiżdied l-effiċjenza u l-puntwalità’ – Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista sostna li s-soluzzjoni għat-traffiku mhix biss li jiżdied l-ammont ta’ karozzi tal-linja, iżda saħaq fuq l-importanza li tiżdied l-effiċjenza u l-puntwalità ta’ dan is-servizz.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Trasport, Toni Bezzina, sostna li jidher ċar li bl-ammonti li qed jiżdiedu f’karozzi privati, in-nies mhumiex moqdija bit-trasport pubbliku minkejja li l-Gvern qed iħallas €30 miljun fis-sena f’sussidji.

Bezzina tkellem ukoll fuq in-nuqqas ta’ alternattivi effiċjenti li qed iwasslu biex in-nies jagħmlu użu mill-vettura privata.

Il-PN sostna li l-Gvern għandu jieħu deċiżjonijiet ferm iżjed kuraġġużi u jinvesti f’sistema tatrasport tal-massa li għandha tkun waħda effettiva, effiċjenti, puntwali kif ukoll eco-friendly.

L-Oppożizzjoni ħeġġet il-Gvern biex isir l-investiment meħtieġ biex Malta ssir carbon neutral kif ukoll biex ikun hemm inċentiv fuq l-użu ta’ karozzi elettriċi.