​40% jaħlu l-ħin tal-Emerġenza

40% tal-persuni li kuljum imorru fid-Dipartiment tal-Emerġenza jistgħu jinqdew fiċ-ċentri tas-saħħa u għaldaqstant qed jaħlu l-ħin tas-servizz li jingħata fl-isptar.  
Dan joħroġ minn ċifri li ta l-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM.
Falzon qal li jżuru l-Emerġenza mat-340 persuna kuljum, b’eċċezzjoni bħalissa li minħabba l-influwenza staġjonali r-rata titla’ għal 420, żieda ta’ 18%. Fisser kif minn dawn, bejn 150 u 170 persuna jistgħu jinqdew fiċ-ċentri tas-saħħa.
Huwa ħa l-okkażjoni biex jappella lill-pubbliku sabiex juża s-servizz tal-Emerġenza b’responsabbiltà, minħabba l-kumplikazzjonijiet li jista’ joħloq.
Madanakollu jispjega kif minkejja ż-żieda fin-nies li qed jirrikorru l-isptar, bl-aħħar tmint ijiem ikunu mill-iktar impenjattivi, din is-sena l-Isptar kien imħejji aktar mis-soltu.
Ivan Falzon fisser li dan minħabba t-twissija ċara dwar l-influwenza u l-esperjenzi tal-pajjiżi li ħakmet qabel Malta.
Ma naqasx li jkollu kliem ta’ tifħir u apprezzament għall-ħaddiema, li fi kliemu marru lil hin mill-obbligi tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Mater Dei qal ukoll li fl-Isptar żdiedu mill-inqas 60 sodda temporanja, f’sezzjonijiet fejn is-soltu ma jinżammux pazjenti.
Jieħdu t-tilqima 28% iktar mis-sena l-oħra
Min-naħa tagħha, f’intervent waqt l-istess programm, Dr Charmaine Gauci, is-Superintendent tas-Saħħa Pubblika qalet li s’issa ħadu t-tilqima tal-influwenza 90,667 persuna, jiġifieri 28% iktar mis-sena li għaddiet.
Semmiet ukoll kif minn kull 1,000 persuna, 93 qed jimirdu bl-influwenza.
Dr Gauci irrimarkat li din is-sena t-tilqima bdiet tingħata aktar kmieni mis-soltu: fil-bidu ta’ Ottubru minflok fl-aħħar tax-xahar.
Dwar l-imwiet kawża tal-influwenza, is-Superintendent qalet li m’hemmx każ ta’ allarm, għalkemm wieħed irid joqgħod attent.
Enfasizzat dwar l-importanza li min ikun marid joqgħod id-dar u anke biex joqgħod metru ‘l bogħod mill-oħrajn.
Dr Charmaine Gauci qalet li virus idum jgħix madwar 24 siegħa. Tat eżempju b’tissue li titpoġġa fuq bank tal-knisja, u li għalkemm titneħħa l-virus jibqa’ jgħix ġurnata.