40 istituzzjoni Kattolika jwaqqfu l-investiment fil-fuels fossili

Fi tmiem ix-Xahar tal-Ħolqien, erbgħin istituzzjoni Kattolika ngħaqdu flimkien u ddeċidew li jwaqqfu l-investimenti tagħhom f’kumpaniji li jipproduċu l-fuels fossili.
L-organizzazzjonijiet laqgħu l-istedina li għamel il-Papa Franġisku fl-Enċiklika Laudato Sì biex jittieħdu passi favur il-protezzjoni tal-ambjent u biex isiru investimenti li jindirizzaw il-problema tat-tibdil fil-klima.
Huwa fatt magħruf li 97% tal-kawżi li wasslu għat-tibdil fil-klima huma frott attività umana.
L-għan ta’ dawn l-istituzzjonijiet hu li jibagħtu messaġġ ċar lill-gvernijiet u l-industrija tal-fuels fossili, li l-attivitajiet tagħhom ma jgħinux għal klima iżjed sana u soċjetà aktar sostenibbli.
Il-valur tal-investimenti li se jwaqqfu dawn l-istituzzjonijiet jaqbeż l-€4 triljun.
Fost dawn l-istituzzjonijiet hemm il-Konferenza Episkopali Belġjana, il-Provinċja Awstraljana tal-Ġiżwiti, il-Caritas tal-Ġermanja, id-Djoċesijiet Taljani ta’ Assisi-Nocera, Umbra-Gualdo Tadino, Caserta u Gubbio u anke l-Azzjoni Kattolika għall-Annimali tar-Renju Unit.
Uħud mill-mexxejja ta’ dawn l-istituzzjonijiet qalu ma’ midja internazzjonali li inqas investiment f’kumpaniji li jarmu ħafna emissjonijiet huwa wieħed mill-modi kif wieħed ipoġġi fil-prattika t-tagħlim ta’ Laudato Sì.