40 immigrant abbord Alan Kurdi għal Malta?

Sea-Eye / Twitter

Il-bastiment Alan Kurdi għandu 40 immigrant abbord, li l-Gvern Taljan irrifjuta li jdaħħalhom, u rreferiehom għal Malta. L-għaqda mhux governattiva Sea-Eye qalet li se jġibuhom Malta, mentri kelliema għall-Forzi Armati qalet li dan mhux minnu.

Dawn l-immigranti ssalvaw ilbieraħ minn fuq dinghy tal-lasktu 29 mil nawtiku ‘l barra mil-Libja. Fi stqarrija l-għaqda spjegat li fost il-persuni abbord hemm żewġ nisa, b’waħda minnhom li għandha sitt xhur tqala u tlett itfal ta’ sena, sentejn u erba’ snin. Hemm ukoll tliet persuni midruba, wieħed minnhom permezz ta’ tir fil-parti ta’ fuq ta’ idu. Fost dawk abbord, hemm 15-il minorenni.

Aqra: Alan Kurdi jsalva 40 immigrant; isalpa lejn Lampedusa

Dwar dan l-istess tifel midrub, iċ-Chairman ta’ Sea-Eye Gordon Isler kiteb fuq Twitter dalgħodu li dan se jinġieb Malta, ladarba ġie rrifjutat mill-Italja. It-tifel jismu Djokovic għal plejer tat-tenis Ewropew.

Ftit qabel, l-għaqda qalet li ċ-Ċentru tal-Kordinazzjoni Taljan irrefera l-bastiment Alan Kurdi lill-awtoritajiet Maltin, minkejja li l-bastiment jinsab quddiem Lampeduża, u 20 siegħa ‘l bogħod minn Malta.

Fi stqarrija, l-għaqda qalet li dalgħodu l-bastiment beda triqtu lejn Malta. Isler qal li mhumiex beħsiebhom joffru lill-Ministru għall-Intern Taljan Matteo Salvini pjattaforma oħra biex jagħti l-prestazzjoni tiegħu. Qal li se jġorru r-responsabbiltà tagħhom lejn dawk li salvaw u joħduhom Malta, peress li għandhom il-provvisti neċessarji u d-diesel meħtieġ.

Kelliema għall-Forzi Armati qalet lil Newsbook.com.mt li m’hemmx ħsieb li l-immigranti jiddaħħlu Malta peress li mhumiex fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija.