40% iktar materjal tal-elettriku u l-elettronika miġbura mis-sena l-oħra

WEEE Malta, l-Iskema għall-Ġbir tal-Iskart Elettroniku u tal-Elettriku, fl-2018 ġabret 40% iktar materjal tal-elettriku u l-elettronika meta mqabbel ma’ dak li nġabar is-sena ta’ qabel.

WEEE Malta ġabret ftit inqas minn 1500 tunnellata minn dan l-iskart u żgurat li jiġi trattat u rkuprat skont il-liġijiet ambjentali. Il-Kap Eżekuttiv ta’ WEEE Joe Attard qal li għal sena oħra il-kumpanija ġabret aktar materjal mis-sena l-oħra grazzi għall-produtturi li huma msieħba mal-kumpanija u għall-faċilitajiet għall-iskart goff li huma operati mill-Aġenzija Wasteserv.

Skont stqarrija maħruġa mill-kumpanija stess, il-produtturi msieħba magħha jpoġġu fis-suq iktar minn 6,000 tunnellata ta’ dan il-materjal li jfisser madwar żewġ terzi tal-prodotti kollha li jinbiegħu f’Malta. L-Iskema esportat 568 tunnellata ta’ materjal bħal Fridges, Freezers u water heaters li f’Malta m’hawnx impjanti fejn jiġu trattati.

L-iskema qed tappella lil Awtoritajiet bħall-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi biex tkompli żżid l-importanza ta’ dan is-settur kif bdiet tagħmel fl-aħħar xhur.