Awdjo: 40 ajruplan differenti waqt il-Malta International Airshow

It-tim akrobatiku Taljan bl-isem ta’ Pioneer se jkun ukoll mal-mistieden tal-Malta International Airshow tal-ġimgħa d-dieħla.

Iktar minn 40 ajruplan minn ħames pajjiżi differenti se jieħdu sehem fil-21 edizzjoni tal-Malta International Airshow.

Il-President tas-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni Joe Ciliberti ħabbar li t-tim Pioneer se jkun qed jagħti show imżewwaq bil-logħob pirotekniku, mużika u wirjiet akrobatiċi fl-ajru.

L-attrazzjoni ewlenija ta’ din il-wirja tal-ajru se jkunu l-ajruplani tar-Red Arrows, li bħal kull darba li jkunu Malta mistennija jattiraw mijiet ta’ persuni li jħobbu l-avjazzjoni.

Il-Malta International Airshow se jsir nhar is-Sibt 28 u l-Ħadd 29 ta’ Settembru li ġej u se jkunu r-Red Arrows stess li jagħlqu l-ikbar wirja tal-ajruplani organizzata f’Malta.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Joe Ciliberti qal li minkejja wirjiet internazzjonali tal-ajruplani qed jaffaċċjaw problemi kbar, ix-show ta’ Malta għadu qed jattira  diversi parteċipanti li għandhom opri tal-ajru moderni u anke antiki.

Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella qal li Malta International Airshow hi attrazzjoni ewlenija għall-familja kollha u semma li sentejn oħra Malta se tfakkar għeluq il-100 sena minn meta nilet l-ewwel titjira tal-ajru fuq il-gżejjer Maltin.

Għamel referenza wkoll għall-ħidma tal-Gvern biex iġib iktar investiment fl-industrija tal-avjazzjoni.