4 żgħażagħ Maltin parti minn kampanja Ewropea; jgħidu kif għenithom l-UE

Erba’ żgħażagħ Maltin huma parti mill-kampanja #EUandME li nediet il-Kummissjoni Ewropea biex tqarreb liż-żgħażagħ lejn il-ħidma tal-Unjoni Ewropea. Dawn iż-żgħażagħ qegħdin jaqsmu l-istejjer tagħhom online dwar kif għenithom l-UE fil-karriera u l-istudji tagħhom.

Il-Kummissjoni Ewropea ħasset il-ħtieġa li tibda din il-kampanja minħabba li żewġ terzi taż-żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-34 sena jħossu li mhumiex infurmati biżżejjed dwar l-UE. Imnedija fl-2018, il-kampanja #EUandME twassal sal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej u turi kif l-inizjattivi tal-UE huma marbuta b’mod intimu mal-mod kif jgħixu ċ-ċittadini Ewropej. Il-kampanja hija mifruxa fuq ħames temi ċentrali li huma l-mobbiltà, id-drittijiet, is-sostenibbiltà, il-kapaċità diġitali u żvilupp ta’ ħiliet u negozju.

Il-kampanja hija ta’ interess speċjali għall-millenarji f’Malta peress li din is-sena, il-pajjiż jiċċelebra 15-il sena ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea. L-aktar figuri riċenti tal-Eurobarometer juru li, b’rata ta’ aktar minn 60%, il-Maltin iħossu rabta qawwija mal-UE meta mqabbla mal-membri l-oħra. Għaż-żgħażagħ, iżda, iż-żmien ta’ qabel is-sħubija huwa biss memorja vaga u l-benefiċċji tal-Unjoni Ewropea mhumiex daqshekk immedjati għalihom. Il-kampanja #EUandME tippreżenta eżempji mill-ħajja reali dwar kif il-ħidma tal-UE ittejjeb is-sitwazzjoni għaċ-ċittadini żgħażagħ. Element ewlieni f’din il-ħidma hija s-serje ta’ Stejjer Diġitali, li tinkludi aktar minn 100 persuna minn madwar l-Ewropa kollha li jagħtu xhieda diretta ta’ kif l-UE kienet strumentali biex ikunu jistgħu jivvjaġġaw, jitgħallmu, jiżviluppaw, u jiffurmaw rwieħhom.

L-erba’ żgħażagħ Maltin li qegħdin jipparteċipaw f’din is-serje huma Emma Farrugia, avukatessa żagħżugħa; Oliver Scicluna, imprenditur ġdid; Karl Scerri, produttur innovattiv; u Nicola Mangion, studenta attiva, jaqsmu l-esperjenzi tagħhom tal-UE wara li pparteċipaw fi skemi u programmi differenti.

Nicola Mangion u Emma Farrugia ħadu toroq akkademiċi differenti iżda t-tnejn li huma sabu inċentiv biex jagħmlu l-esperjenza tal-Erasmus u jsegwu parti mill-istudji tagħhom f’universitajiet oħra fl-Ewropa. Il-vjaġġi tagħhom kienu ta’ ispirazzjoni għalihom u offrewlhom perspettiva ġdida fuq l-UE, billi ffurmaw ħbiberiji internazzjonali u żviluppaw ħiliet importanti li għadhom jgħinuhom fil-ħajja tagħhom.

#EUandME ❤️- ma jieqfu qatt l-opportunitajiet li tagħtina l-UE! Ara ftit kif l- 🇪🇺 qed tagħmel tassew differenza…

Posted by European Commission Representation in Malta on Tuesday, February 12, 2019

Karl Scerri u Oliver Scicluna jmexxu negozji f’setturi differenti: wieħed għadu kif ġie ffurmat u l-ieħor ġej minn negozju tal-familja. Iż-żewġ imprendituri bbenefikaw minn skemi ta’ finanzjament li ffaċilitaw l-immodernizzar u t-tkabbir tal-kumpaniji tagħhom, iżda t-tnejn li huma jaqblu li l-akbar għajnuna mill-Unjoni Ewropea mhix finanzjarja.

#EUandME ❤️- ma jieqfu qatt l-opportunitajiet li tagħtina l-UE! Ara ftit kif l- 🇪🇺 qed tagħmel tassew differenza…

Posted by European Commission Representation in Malta on Saturday, February 16, 2019

Tista’ tara s-serje ta’ Stejjer Diġitali fuq is-sit uffiċjali tal-kampanja #EUandMe hawn.