4 żgħażagħ jibqgħu arrestati għax darbu żagħżugħ meta serquh

Read in English.

Erba’ żgħażagħ wieġbu mhux ħatja li weġġgħu lil żagħżugħ serjament meta ppruvaw jisirquh.

Iż-żgħażagħ huma minn Santa Luċija u miż-Żejtun. Tlieta minnhom għandhom 20 sena u l-ieħor għandu 19-il sena. Huma ġew akkużati li serqu basket u mowbajl u li użaw il-vjolenza. Wieħed minnhom ġie akkużat ukoll li ttraffika d-droga u li hu riċediv.

Fil-qorti nstema’ kif il-każ seħħ il-Ġimgħa waranofsinhar f’Ħal Għaxaq, meta ż-żgħażagħ, serqu basket u mowbajl mingħand żagħżugħ ieħor u kkaġunawlu ġrieħi gravi.

L-Ispettur tal-Prosekuzzjoni Roderick Attard oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest minħabba s-serjetà tal-akkużi u biex ma jkunx hemm tbagħbis fl-evidenza, anke peress li għad fadal min jixhed.

Id-Difiża argumentat li l-akkużati għadhom qed jitqiesu innoċenti. L-Avukat Franco Debono qal li l-vittma setgħet iddaħħlet biex tixhed illum, u li l-Qorti tista’ timponi liema kundizzjoni tara xierqa fuq l-akkużati. Irrimarka li ma ntużaw l-ebda armi fil-każ. L-Avukat Kris Busietta li qed jirrappreżenta żagħżugħ ieħor qal li dan ma kienx każ serju.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Marseann Farrugia, ċaħdet il-ħelsien mill-arrest.