4 xhur ħabs għal 2 nisa; waħda tqila

Fil-Qorti dalgħodu, il-Maġistrat Joe Mifsud, irrimarka li l-azzjoni ta’ ftit minn dawk li jżuru pajjiżna qed tagħmel ħsara kbira ħafna għax qed titfa’ dell ikrah fuq oħrajn li jgħixu ħajja eżemplari. Dawn il-kliem il-Maġistrat qalhom f’sentenza li fiha ordna li żewġ nisa mill-Bulgarija jingħataw sentenza ta’ erba’ xhur priġunerija effettiva.

Genoveva Stoilova Neli Ilieva u Iliyana Ilieva nqabdu jisirqu minn ħanut tal-ħwejjeġ fil-belt fil-21 ta’ Ġunju għall-ħabta tas-2.30pm. Huma serqu kartiera bi flus kontanti, diversi dokumenti u credit card għad-detriment tat-turista Sharon Bourne.

Fis-seduta l-Qorti semgħet kif il-prosekuzzjoni ppruvat is-serqa permezz ta’ filmat u li kif rawh il-Pulizija mill-ewwel għarfu lill-imputati u li dan ma ħalla ebda dubju dwar l-identità tagħhom u dwar x’kienu qed jagħmlu.

Minkejja l-fatt li waħda mill-imputati hija tqila l-Qorti qalet li mhix se tagħti trattament preferenzjali minħabba dan.