4 xhur ħabs għal 2 immigranti li użaw passaporti foloz

Il-Qorti bagħtet lil żewġ irġiel il-ħabs għal erba’ xhur kull wieħed talli nstabu ħatja fuq offiżi marbuta mal-passaporti. F’każijiet differenti nhar il-Ġimgħa li għadda, raġel mill-Gambja u ieħor mill-Kosta tal-Avorju tressqu l-qorti.

Il-Gambjan ġie akkużat li kellu fil-pussess tiegħu passaport ta’ ħaddieħor, li pprova jużah u li għamel dikjarazzjoni falza lill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni. L-Ispettur Lara Butters mill-Prosekuzzjoni spjegat lill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo kif ir-raġel ġie Malta wara li applika għall-ażil fl-Italja qabel ma telaq lejn Manchester b’passaport falz. L-avukatessa tal-għajnuna legali qalet li l-akkużat huwa wkoll vittma għax qarrqu bih.

Huwa wieġeb ħati għall-akkużi, u l-Maġistrat tatu erba’ xhur ħabs.

Fil-każ l-ieħor, l-Ispettur Darren Buhagiar akkuża lir-raġel mill-Kosta tal-Avorju li uża dokument Taljan falz biex jivvjaġġa konxjament, u anke li qarraq bil-firem. Hu wasal Malta fuq dgħajsa f’Marzu li għadda, u ġie arrestat meta pprova jitlaq minn Malta b’passaport falsifikat.

Huwa wieġeb ħati għall-akkużi. Id-Difiża qalet lill-Qorti li l-akkużat qal li għandu 16-il sena, imma l-Prosekuzzjoni qalet li minn testijiet li għamlet, irriżulta li għandu 18-il sena. L-Ispettur spjega li ħafna immigranti jigdbu li jkunu iżgħar biex jiksbu xi benefiċċji.

Il-Maġistrat tatu erba’ xhur ħabs.