4 xhur wieqfa barra minħabba allegat tixħim minn uffiċjal tal-Pulizija

Il-karozzi li nxtraw għaċ-CHOGM f’Novembru li għadda għadhom ipparkjati fil-bitħa tal-Akkademja tal-Pulizija minħabba nuqqas ta’ qbil dwar il-prezz tal-beacon lights li għandhom jitwaħħlu fuqhom.
Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija spjegaw ma’ Newsbook.com.mt kif il-Korp tal-Pulizija qed jibki għall-vetturi, imma l-proċess staġna wara li tela' fil-wiċċ l-allegat tixħim, bid-diskrepanza fil-prezz attwali u kemm kienu se jiġu jiswew.
Ordnati beacon lights ta' €4,000-il waħda, jistgħu jinxtraw bi €300
L-istess sorsi qed jgħidu li l-beacon lights ordnati minn Supretendent tal-Pulizija kienu se jiswew €4,000-il waħda, meta mill-internet, beacon lights bl-istess speċifikazzjonijiet instabu bi prezz ta’ madwar €300. Jistaqsu jekk dan ifissirx li l-uffiċjal kien se jieħu commission fuqhom.
Jistaqsu jekk sarux l-investigazzjonijiet dwar ix-xiri ta' muturi second hand
Staqsew ukoll jekk sarux investigazzjonijiet wara li nxtraw muturi second hand mill-istess uffiċjal, bi prezzijiet għoljin ħafna.
Is-Supretendent inkwistjoni ngħata promozzjoni f’Awwissu li għadda. Fl-2011, meta kien Spettur kien instab ħati ta’ diversi każi kriminali, fosthom li ntimida u ta fastidju lil wieħed mis-superjuri tiegħu.  Instab ħati wkoll li għamel użu ħażin mill-mowbajl u li wettaq reat li bħala uffiċjal tal-pulizija kellu jipprevjeni.
L-40 karozza swew lill-Korp tal-Pulizija mal-€400,000
L-40 karozza, li 37 minnhom ilhom erba’ xhur fil-bitħa tal-Akkademja, swew lill-Korp tal-Pulizija madwar €400,000.
L-uffiċjali li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li għandhom bżonn dawn il-karozzi għall-ħidma tagħhom, għax li qed jużaw bħalissa jinsabu fi stat ħażin.