4 turisti maħsuba mejta fin-Norveġja

NTB Scanpix/Terje Bendiksby via REUTERS

4 turisti mill-Finlandja u l-Iżvezja huma maħsuba mejta wara li jumejn ilu huma nqabdu minn valanga tas-silġ fin-Norveġja waqt li kienu qed jiskijaw.

L-Erbgħa li għadda kien hemm valanga fir-reġjun ta’ Troms fit-Tramuntana tal-pajjiż. Iż-żona hi popolari ħafna għall-iskijar. Tliet Finlandiżi u Żvediż kienu qed jiskijaw fiż-żona ġew irrappurtati nieqsa mal-Pulizija Norveġiża.

Ħelikopter li kien qed jtir fuq iż-żona minn fejn għaddiet il-valanga ra apparat li jintuża minn dawk li jkunu qed jiskijaw biex jgħatu l-pożizzjoni tagħhom meta jkun hemm valanga.

Il-Kummissarju tal-Pulizija fit-Troms Astrid Elisabeth Nilsen qalet li issa li t-teorija tagħhom li dawn l-erba’ turisti nqabdu ġol-valanga ġiet kkonfermata, hekk kif instab dal-apparat tal-iskijar. Nilsen qalet li ġaladarba ilhom iktar minn 38 siegħa minn meta seħħ il-każ huma jemmnu li t-turisti aktarx mhux se jinsabu ħajja.