Erbat itfal mejtin mal-kosta Libjana

Knisja.mt/ritratti

Il-Libya Red Crescent qalet li lbieraħ sabet erbat itfal mejtin mal-kosta tal-Libja. It-tfal kellhom bejn ħames snin u għaxar snin. Huma tilfu ħajjithom meta għerqet id-dgħajsa li kienu fuqha. Instabu wkoll il-kutri li kellhom it-tfal.

“L-Erbgħa ġejna mgħarrfin li d-dgħajsa qiegħda tegħreq u kien hemm fuqha 30 persuna,” qal kelliem tar-Red Crescent. 

In-nazzjonalità tal-persuni mejtin għadha mhix magħrufa.

Bosta immigranti jitilqu mil-Libja biex jibdew il-vjaġġ tagħhom lejn l-Ewropa b’tiftixa għal ħajja aħjar.

Fil-bidu ta’ Lulju, il-Prim Ministru Libjan Faiez Mustafa al-Serraj żar Malta għal laqgħat mal-Prim Ministru Robert Abela u mal-President George Vella. Abela dakinhar qal li Malta tikkunsidra lil-Libja bħala ‘ħabib li tista’ tafda’ u lill-poplu Libjan ‘bħala aħwa tal-poplu Malti u Għawdxi.’

F’Awwissu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo żar il-Libja għal laqgħat dwar l-immigrazzjoni mal-Gvern Libjan.

Stqarrija maħruġa mill-Gvern tgħid li sad-29 ta’ Lulju, il-Gwardja tal-Kosta Libjana salvat 6,265 persuna fuq vjaġġ tat-traffikar tal-bnedmin fil-Baħar Mediterran. Madwar nofs dawn il-persuni kienu eventwalment jegħrqu jew jispiċċaw fiż-żona tas-salvataġġ ta’ Malta.