4 sptarijiet mhux se jaħslu pazjenti minn nhar it-Tnejn – MUMN

Read in English.

L-Union Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qalet li jekk il-kundizzjonijiet tal-infermiera membri tagħha ma jitranġawx, minn nhar it-Tnejn li ġej se tkun qed tordna li d-direttivi li hemm fl-Isptar Karin Grech jidħlu fis-seħħ ukoll fl-Isptar Mater Dei, f’San Vinċenz de Paul u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Magħhom se tiżdied id-direttiva li l-infermiera ma jgħinux fil-ħasil tal-pazjenti.

Dan kollu ġie fid-dawl tal-konsegwenzi legali li jkollhom isofru infermiera minħabba formoli li qed jinħarġu minn Speech Language Pathologists (SLP) li jordnaw assistenza waqt l-ikel għall-pazjenti.

Il-president tal-union, Paul Pace, spjega ma’ Newsbook.com.mt kif dak li għall-aħħar żmien kien qed jiġri fl-Isptar Karin Grech, issa qed jiġri f’diversi sptarijiet oħrajn madwar Malta u anki f’Għawdex.

Tgħabbija wisq kbira fuq l-infermiera

Pace spjega li l-infermiera qed jitħallew b’tagħbija u responsabbiltà ta’ pazjenti li hija kbira wisq meta mqabbla mal-ammont ta’ carers u infermiera li jkun hemm assenjati ma’ ward f’ġurnata sħiħa. Pace spjega kif meta pazjent jiġi ordnat li jkollu superviżjoni, din ġeneralment tkun tirrikjedi attenzjoni assoluta minn carer jew infermier. Qal li minkejja li l-isptarijiet ikunu mgħarrfa b’dan, ħafna drabi xorta jiddeċiedu li ma jimpjegawx biżżejjed carers sabiex ilaħħqu mad-domanda.

F’email li bagħat Pace lis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Joseph Rapa, hu spjega li huwa evidenti li l-uffiċċju tiegħu ma ħax l-azzjoni neċessarja sabiex jissalvagwardja il-professjoni tal-infermiera mir-riperkussjonijiet legali li joħolqu dawn il-formoli.

Pace irrimarka li dawn il-formoli ġew implimentati b’mod li jmur kontra l-proċeduri normali ta’ kif isir l-implementazzjoni ta’ formoli fi sptarijiet normali. Qal li dawn il-formoli ġew introdotti mill-patoloġisti mingħajr permess mill-maniġment tal-isptarijiet u b’hekk injoraw b’mod totali r-riperkussjonijiet legali li jistgħu jsofru l-infermiera u l-qwiebel. Qal li hu jinsab infurmat li l-uffiċċju ta’ Rapa naqas milli jaċċerta li jew il-formoli jiġu emendati jew inkella jipprovdi biżżejjed carers biex ikopri t-talbiet għas-superviżjonijiet u l-assistenza.

Pace qal ukoll li jinsab infurmat li l-maniġment tal-iSpeech Language Pathologists qed jirreżisti t-talbiet tal-maniġment tal-Isptarijiet dwar it-tibdil tal-formoli u li l-uffiċċju fi ħdan il-Ministeru mhux qed jassissti lill-maniġment tal-Isptarijiet f’dan.

Infermiera jitolbu l-għajnuna tal-MUMN

Fl-email li waslet f’idejn Newsbook.com.mt Rizzo ġie infurmat ukoll dwar ilmenti li rċeviet l-MUMN mill-infermiera ta’ San Vinċenz de Paule. Pace sostna ma’ Newsbook.com.mt li bħal din l-email irċevew ħafna.

L-infermier qed jitolbu għal linji gwida dwar it-tqassim tal-ikel lill-pazjenti f’waħda mill-wards. Ġie spjegat li fost l-24 resident li hemm fil-ward hemm:

  • 10 residenti li l-SLP huwa tal-parir li jkollhom superviżjoni waqt li jieklu
  • Disa’ resident li l-SLP huwa tal-parir li jkollhom assistenza waqt l-ikel
  • Tliet resident li l-SLP huwa tal-parir li jiġu mmonitorjati waqt li jieklu
  • U żewġ resident li l-SLP huwa tal-parir li jkollhom superviżjoni u assistenza waqt l-ikel.

Hekk kif il-ward ma għandhiex fiha biżżejjed infermiera u carers li jistgħu jlaħħqu ma’ din id-domanda, jidher li qed jinħoloq ħafna stress għall-istaff impjegat fil-ward.

L-uffiċċju tiegħek qed jippermetti Babilonja fil-wards

Pace sostna li l-uffiċċju ta’ Rizzo qed jippermetti li l-wards tal-isptarijiet jinbiddlu f’Babilonja. Għarraf li jekk l-uffiċċju ma jintervjenix u jwaqqaf jew jirranġa l-formoli kollha tal-SLPs, mis-17 ta’ Jannar se jiġu ordnati direttivi, mhux biss fl-Isptar Karin Grech iżda fl-isptarijiet kollha tal-Gvern, inkluż San Vinċenz de Paule. Qal li l-Ministeru kellu tliet xhur ċans biex jirranġa din il-problema iżda falla milli jagħmel dan.

X’se jkunu d-direttivi?

  • L-infermiera ma jgħinux fil-ħasil tal-pazjenti
  • Il-pazjenti ma jitniżżlux mis-sodod