4 spazji miftuħa f’4 lokalitajiet f’Malta

Il-lokalitajiet tal-Ħamrun, Ħad-Dingli, in-Naxxar u s-Siġġiewi se jkollhom erba’ spazji miftuħin ġodda, mgħammrin b’apparat fiżiku fost l-oħrajn, li ġew approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Fis-Siġġiewi, se ssir rijabilitazzjoni tal-Park ta’ Għar Lapsi, b’post ta’ logħob għat-tfal u bi grawnd ġdid b’art magħmula apposta għas-sigurtà. Iż-żona fejn isiru l-pikniks bħalissa se titmexxa għal xi mkien ieħor u għandhom jitkabbru diversi pjanti u siġar.

Fin-Naxxar, se jinħoloq outdoor gym, għamara tat-triq u faċiltajiet oħra. F’Ħad-Dingli se jinbena ġnien li fih jospita outdoor gym u parkeġġ. Dan se jinbena fuq 2000 metru kwadru qrib il-grawnd tal-futbol tat-tim Dingli Swallows. Fil-Ħamrun, imbagħad, se tinbena pjazza fi Triq il-Franġiskani bi pjanti u għamara tat-triq.