4 snin mill-mewt ta’ DJ Lito

Kien proprju bħal-lum 4 snin li Manuel Micallef. magħruf bħal DJ Lito miet f’inċident tat-traffiku f’Bormla.

Bosta kienu dawk li llum fakkru lil dan id-DJ popolari mill-Birgu li ħalliena fl-età ta’ 47 sena. Bla dubju li fil-memorja ta’ ħafna hemm il-programmi ta’ mużika rock li hu kien iwassal fuq l-istazzjon Radju Kottoner.

Micallef kien involut f’inċident bil-karozza għall-ħabta tas-6.30pm fi Triq Dom Mintoff, li wassal biex inqalbet il-karozza li kien qed isuq il-vittma.

Irriżulta li DJ Lito miet fuq il-post. 

Il-funeral kien sar fil-Knisja Parrokjali ta’ San Lawrenz fil-Birgu, ftit biss ‘il bogħod mill-post fejn nhar il-Ħadd li għadda, tilef ħajtu traġikament f’inċident tat-traffiku.

Fr John Avellino kien beda l-omelija bil-kliem – “Aħfirli ma”, l-aħħar kliem li Lito qal lil ommu qabel telaq għax-xogħol dakinhar filgħaxija, għax kien ftit nervuż.

Hu kien iddeskriva lil Lito bħala bniedem b’qalb kbira, speċjalment għal dawk li jbatu. “Kien iħobb ikun il-vuċi ta’ dawk mingħajr vuċi, dawk li s-soċjetà tqishom underdogs,” żied jgħid Fr John.