​4 snin ħabs u multa għal 2 fuq droga…iktar arresti mill-Pulizija

Erba’ snin ħabs u multa għal żewġ persuni li kellhom fil-pussess tagħhom pilloli u sustanzi projbiti.
Ħidma konġunta bejn il-membri tal-iskwadra ta’ kontra d-droga u uffiċjali tad-dwana fl-aħħar jiem, wasslet għall-arrest ta’ 3 persuni.
Fil-pussess tagħhom instabu għadd ta’ pilloli suspettati ecstasy, kif ukoll sustanzi suspettati kokaina u ketamine. L-ammonti ma jurux li dawn kienu għall-użu esklussiv tagħhom.
Tnejn minnhom tressqu b’arrest quddiem il-Qorti u ġew akkużati bl-importazzjoni u pussess aggravat tal-istess sustanzi.
F’ħidma oħra din id-darba bl-għajnuna tal-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra, ġew arrestati madwar 23 persuna oħra, kollha fil-pussess ta’ sustanzi suspettati li huma ecstasy u kokaina.
Intant ukoll f’każ ieħor fir-Rabat, ġew arrestati 15-il persuna oħra akkużati li fuqhom kellhom l-istess tip ta’ sustanzi.
Il-persuni kollha arrestati huma ta’ nazzjonalità barranija. Uħud minn dawk arrestati attendew il-party “Lost and Found” fil-Qawra.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom ghaddejjin u iżjed persuni mistennija jitressqu l-Qorti b’rabta ma’ dawn il-każijiet.