4 snin ħabs għal 2 immigranti li bdew irvell fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Safi

Guma Mohammed u Yousef Halef Abdel Hamid weħlu sentenza ta’ erba’ snin ħabs kull wieħed talli f’Diċembru li għadda, bdew irvell fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi, fejn kienu qegħdin joqogħdu.

Il-każ ġara fit-12 ta’ Diċembru, 2019, bejn il-11am u s-2pm fil-Barracks ta’ Ħal Safi, meta l-immigranti bdew jirvillaw u taw in-nar lill-bini u lil vetturi fuq il-post. Minn dik li bdiet bħala protesta paċifika, spiċċat f’rewwixta. L-imputati u oħrajn li għaddew proċeduri kriminali separatament minnhom, daħlu ġo waħda mit-tined fejn kien hemm is-sodod tar-residenti, u tawha n-nar. Ħadd ma kien ġo fiha dak il-ħin.

Fil-bidu tal-proċeduri, irriżulta li Guma Muhammed kien gideb dwar minn fejn hu, peress li orġinarjament kien qal li hu Palestinjan minn Ramallah, mentri huwa fil-fatt Eġizzjan. Yousef Halef Abdel Hamid huwa Eġizzjan ukoll. L-Uffiċjal Prosekutur ikkonferma dan mal-Konsolat Eġizzjan f’Malta.

Is-sentenza nqatgħet illum mill-Maġistrat Joe Mifsud, wara li l-Eġizzjani tressqu l-qorti akkużati li volontarjament taw in-nar lil bini u vettura, meta ġewwa seta’ kien hemm xi persuna. Ġew akkużati wkoll b’kompliċità fin-nar li ngħata lit-tinda li kienet takkomoda lill-immigranti fl-istess ċentru. Huma kienu mixlija li minn jeddhom għamlu l-ħsara lill-ħwejjeġ ta’ ħaddieħor, li tammonta għal aktar minn €2,500 għall-Gvern, u li kienu parti minn ġemgħa t’10 persuni jew aktar, miġburin flimkien bil-ħsieb li jwettqu reat. Apparti dan, huma m’obdewx l-ordnijiet tal-awtoritajiet u kisru l-paċi pubblika.

Il-Maġistrat qal li, “Dan żgur mhux aċċettabbli u din il-Qorti ma tistax ma tibgħatx messaġġ ċar li reati bħal dawn mhumiex aċċettabbli f’demokrazija li titmexxa bis-saltna tad-dritt u mhux bit-tkissir u l-ħruq. U min jipprova jiġġustifika b’xi mod l-aġir tagħhom ikun qiegħed jagħmel ħsara kbira lill-istess persuni li jiddeċiedu li jipprotestaw b’dan il-mod, għaliex ikollhom jiskontaw sentenzi twal ta’ priġunerija kif tipprovdi l-liġi.” Issokta jgħid li kull min talab protezzjoni f’Malta u kellu raġuni valida, din ingħatatlu.

Għaldaqstant, il-Qorti sabithom ħatja u kkundannathom għal erba’ snin ħabs. Weħlu wkoll multa ta’ €8,691 kull wieħed għad-danni. Il-ħsara kollha li saret kienet tammonta għal €86,914.69. Ladarba dawn jiskontaw is-sentenza tagħhom, se jintbagħtu lura l-Eġittu.

F’Jannar reġgħet qamet protesta fiċ-Ċentru ta’ Ħal Safi, li dwarha ġew arrestati 24 persuna. 19-il persuna minnhom weħlu l-ħabs.