4 snin ħabs fuq abbuż ta’ minorenni kkonfermati b’appell

Argument ibbażat fuq l-esperjenzi li kellha t-tifla qabel miċħud mill-Qorti

Sentenza ta’ 4 snin ħabs għal raġel li kien instab ħati li ipparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ tifla ta’ 12-il sena ġiet ikkonfermata b’appell.

Id-difiża ppruvat tnaqqas il-piena għal Leslie Vella, raġel ta’ 45 sena, anke billi tinnota li t-tifla diġà kellha esperenzi sesswali, iżda dan l-argument ma mpressjonax l-Imħallef Aaron Bugeja.

Vella kien akkużat li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ żewġt ibniet fl-2017: it-tifla l-oħra kellha għaxar snin. Ġie akkużat ukoll li uża t-teknoloġija biex jipproponi li jiltaqa’ ma’ tifla taħt l-età bil-ħsieb li jipparteċipa f’atti sesswali, u li kkorrompa ż-żewġt ibniet b’egħmil żieni. Il-Qorti tal-Maġistrat sabitu ħati tal-imputazzjonijiet kollha, però limitatament, għax ma sabitx provi li kellu x’jaqsam sesswalment mat-tifla ta’ 10 snin.

Fl-appell tiegħu, Vella talab li jiġi liberat mill-akkuża li kkorrompa t-tifla ta’ 12-il sena għax diġà kellha esperjenzi sesswali, u nsista wkoll li kienet it-tifla li kienet qed tfittxu. Xtaq li l-piena tiġi riveduta biex tikkunsidra biss imputazzjoni waħda: l-atti sesswali li kellu mat-tifla.

Però l-imħallef Bugeja nnota li l-Qrati Maltin dejjem saħqu li persuna minuri li setgħet diġà kienet soġġetta għal atti korruttivi ma teskludix il-kummissjoni tar-reat ta’ korruzzjoni ta’ minuri fil-konfront tagħha.

Minkejja dan, l-imħallef innota wkoll li l-esperjenzi li t-tifla kellha mal-akkużat imorru ben oltre dak li kienet diġà esperjenzat. Il-minuri stess xehdet kif l-akkużat ried “idarriha” attività: espressjoni li tindika li l-appellant kien bi ħsiebu jkompli r-rapporti tiegħu mat-tifla.

Bugeja osserva li l-piena ta’ 4 snin ħabs kienet filfatt qrib il-minimu li l-Qorti setgħet tagħti f’dan il-każ, u peress li taqbeż is-sentejn priġunerija ma setgħetx tiġi sospiża.

Il-piena kienet tirrifletti kemm kien gravi l-każ, u l-imħallef żied li kieku Vella “ħaseb sew qabel ma ħalla l-passjonijiet tiegħu jegħlbuh bl-ikrah, kif għamlu, ara kemm kien jevita uġigħ u inkwiet, għalih u għal ħaddieħor.”