4 rġiel jinstabu ħatja fuq traffikar ta’ persuni li ħalla 39 vittmi

Erba’ rġiel nstabu ħatja fir-Renju Unit li kienu nvoluti fit-traffikar illegali ta’ persuni li ħalla 39 persuna mejta, li b’hekk ingħaqdu mal-erbgħa l-oħra li wieġbu ħatja qabel għaddew ġuri.

Il-każ imur lura għat-22 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra.

It-39 vittma, li kellhom bejn 15 u 44 sena u li kienu ta’ nazzjonalita Vjetnamiża, mietu fgati wara li tħallew ġo kontenitur f’ trakk għal kważi 12-il siegħa. Huma kienu nstabu fit-trakk f’Essex fl-Ingilterra.

Minħabba n-natura internazzjobali tal-każ, l-investigazzjonijiet saru minn tim ta’ investigazzjoni konġunt li kien jinvolvi l-awtoritajiet tal-Belġju, Franza, l-Irlanda u r-Renju Unit, bil-partiċipazzjoni tal-Eurojust u l-Europol.

Illum, żewġt irġiel instabu ħatja li kkawżaw il-mewt tat-39 persuna: Eamonn Harrison, raġel ta’ 23 sena mill-Irlanda ta’ Fuq, saq it-trakk, filwaqt li Gheorghe Nica, Rumen ta’ 43 sena, kien koordinatur tal-operazzjoni. Żewġ sewwieqa oħra – Christopher Kennedy, ta’ 24 sena mill-Irlanda ta’ Fuq, u Valentin Calota, raġel ta’ 38 sena mir-Rumanija, instabu ħatja ta’ assoċjazzjoni biex jittraffikaw il-persuni llegalment.

Nica kkoordina l-operazzjoni flimkien ma’ Ronan Hughes, raġel ta’ 41 sena mill-Irlanda ta’ Fuq li wieġeb ħati li kkawża l-imwiet tat-39 persuna qabel għadda ġuri. Kien għamel hekk ukoll Maurice Robinson, is-sewwieq ta’ trakk ta’ 26 sena li kien saq it-trakk meta l-vittmi kienu ġa mietu.

Żewġ persuni oħra – Alexandru-Ovidiu Hanga u Gazmir Nuzi – kienu ammettew l-involviment tagħhom fit-traffikar tal-bnedmin.