4 proposti oħra għal aktar sigurtà minħabba l-Ebola

Il-Partit Nazzjonalista qed iħeġġeġ lill-Gvern biex iżid l-preparamenti infrastrutturali u operattivi tas-servizzi tas-saħħa pubblika sabiex ikunu jistgħu jilqgħu għall-eventwalità ta’ pazjent marid bl-Ebola.
Dwar din il-kriżi, li laqtet l-aktar il-pajjiżi fil-punent tal-Afrika, il-kelliem Nazzjonalista għas-Saħħa Claudio Grech, illejla fil-parlament se jressaq erba’ proposti biex jiżdiedu l-miżuri ta’ sigurtà f’Malta.
​​Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi lill-Gvern biex jikkunsidra jdaħħal screening obbligatorju, kemm għall-passiġġieri li jgħaddu mill-ajruport kif ukoll għal dawk li jaslu bil-baħar.
Minħabba l-fatt li l-Isptar Mater Dei huwa l-isptar ewlieni ta’ Malta, il-Gvern għandu jikkunsidra li jiżviluppa faċilità separata biex fiha jiġu rikoverati u ttrattati pazjenti li huma pożittivi għall-Ebola.
​​​Claudio Grech semma wkoll li l-Gvern għandu jistieden lill-unjins u l-assoċjazjonijiet ewlenin biex jipparteċipaw fil-Kumitat ta’ Moniteraġġ biex ikunu parti mill-isforz komuni biex tiġi indirizzata din it-theddida. ​​
Fl-aħħarnett saħaq li l-Gvern għandu jagħmel reġistru tal-ħaddiema fis-servizzi tas-saħħa li huma ppreparati li jagħtu sehemhom fl-eventwalità li jfeġġ każ tal-Ebola.