Aġġornata: Tifel gravi u anzjan iweġġa’ serjament f’ħabta bejn 2 karozzi

Tifel ta' 3 snin iddaħħal l-Isptar Ġenerali t'Għawdex bi ġrieħi gravi, u anzjan ta' 71 sena kellu jittieħed Mater Dei b'ħelikopter wara li weġġa' serjament f'inċident tat-traffiku bejn żewġ karozzi f'Għajnsielem.
L-inċident seħħ il-Ħadd filgħaxija għall-ħabta tat-8.15pm, fi Triq l-Imġarr.
Involuti f'dan l-inċident kien hemm l-anzjan, li kien qed isuq vettura waħdu, u raġel ta' 33 sena mix-Xewkija li kien qed isuq vettura li fiha kien hemm ukoll it-tifel u mara ta' 32 sena.
Filwaqt li f’karozza minnhom kien hemm biss ix-xufier, fil-karozza l-oħra involuta fl-inċident kien hemm ix-xufier, mara u tifel ta’ madwar tliet snin.
Il-mara sofriet biss ġrieħi ħfief, filwaqt li r-raġel ta' 33 sena ma sofra ebda ġrieħi.
Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali.
Fl-istess post, ftit tal-ġimgħat ilu, seħħ inċident ieħor li fiħ ħabtu ħames karozzi.
Ritratt: Josef Cutajar – Facebook