4 persuni jinżammu arrestati wara li attakkaw u serqu diversi persuni

Sarah Cassar Dymond

Erba’ persuni nżammu arrestati wara li kienu akkużati li attakkaw u serqu diversi persuni fil-Furjana.

Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras l-erba akkużati li huma ta nazzjonalità barranija wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

L-akkużati huma raġel ta’ 27 sena mill-Amerka ma jaħdimx, raġel ta’ 30 sena mill-Indoneżja li jaħdem bħala disinjatur tad-djar, raġel ta’ 33 sena miż-Żimbabwe; it-tlieta li huma mingħajr saqaf fuq rashom u Libjan ta’ 26 sena residenti ż-Żurrieq.

L-Ispettur Lydon Zammit flimkien mal-Isperttur Mario Xiberras spjegaw fil-Qorti li diversi persuni għamlu rapporti lill-pulizija li ġew misruqa minn grupp ta’ persuni u kważi fl-istess ħin. Tlieta minn dawn il-persuni ġew arrestati il-lejl ta’ qabel. Fl-interrogazzjoni r-raba’ raġel ġie identifikat u eventwalment arrestat. Fil-lejl ta’ qabel ma ġew arrestati t-tliet persuni raġel anzjan ġie attakkat u wara l-investigazzjoni li saret rrizulta li kienu l-istess persuni.

L-akkużati wieġbu mhux ħatja bl-avukati tad-difiża ma jitolbux il-ħelsien mill-arrest minħabba li l-akkużati m’għandhomx indirizz fiss. L-avukati tad-difiża ċċaraw li dan ma jfissrix li qed jagħmlu xi tip ta’ ammissjoni.

L-avukati Mark Mifsud Cutajar, Ezekiel Psaila, Dunstan Camilleri u Josette Sultana qed jidhru għall-akkużati.