4 persuni jinqatlu fl-Awstralja; raġel arrestat

Reuters

Raġel spara u qatel lil erba’ persuni f’Darwin fl-Awstralja nhar it-Tlieta, wieħed mill-iżjed attakki vjolenti fil-pajjiż f’dawn l-aħħar snin. Il-pulizija arrestaw raġel li hu suspettat li kien il-qattiel.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Reece Kershaw qal lill-ġurnalisti li f’dan l-istadju mhumiex iqisu l-attakk bħala wieħed terroristiku. Jemmnu li l-individwu aġixxa waħdu, iżda għadhom qegħdin jippruvaw jiskopru x’kienet ir-raġuni tiegħu. Il-persuni nqatlu f’postijiet differenti, fosthom f’pubs, ġo ġnien pubbliku u anke ġo ħanut tal-merċa.

Is-suspettat huwa raġel ta’ 45 sena li kien magħruf mal-pulizija li nqabad f’temp ta’ siegħa wara li kien hemm l-isparaturi. Huwa ilu meħlus mill-arrest għal każ ieħor minn Jannar li għadda, u l-pulizija jaħsbu li uża shotgun.