Jinħelsu mill-arrest l-4 persuni akkużati bil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace

Miguela Xuereb

Read in English.

Ingħataw il-ħelsien mill-arrest l-erba’ persuni akkużati bil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace, li mietet mirduma fit-terrapien kawża ta’ żvilupp li kien qed isir f’sit ta’ kostruzzjoni biswit id-dar tal-familja Pace.

L-erba’ persuni tressqu l-Qorti llum waranofsinhar fejn qed jaffaċċjaw piena ta’ massimu erba’ snin ħabs.

Huma qed jiġu akkużati wkoll li għamlu ħsarat fuq proprjetajiet ta’ ħaddieħor u li naqsu milli josservaw dikjarazzjoni tal-metodu.

Fi stqarrija, il-Pulizija kkonfermaw li dawn l-erba’ persuni huma:

  • il-Perit tal-proġett ta’ 36 sena residenti r-Rabat,
  • is-Site Technical Officer (Perit) ta’ 72 sena residenti l-Gżira,
  • il-kuntrattur ta’ 37 sena residenti Ħaż-Żebbuġ u
  • ħaddiem ta’ 42 sena residenti l-Imqabba

Iż-żewġ periti qed jiġi akkużati wkoll li biex jieħdu xi vantaġġ taw dikjarazzjoni falza f’dokument għal awtorità pubblika.

Il-Perit ta’ 72 sena qed jiġi akkużat ukoll li ma kienx fuq is-sit tal-kostruzzjoni meta ttieħdu deċiżjonijiet li setgħu jpoġġu lin-nies f’riskju.

Huma tressqu quddiem il-Maġistrat Dr Natasha Galea Sciberras.

L-inċident fatali li ħasad il-ħajja tal-mara ta’ 54 sena seħħ fit-2 ta’ Marzu fi Triq Joseph Abela Scolaro u Triq Antonio Miruzzi, f’Santa Venera.

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) laqgħet dan l-iżvilupp fil-każ u awgurat li jitħaffef il-proċess biex tiġi konkluża l-inkjesta maġisterjali u li tibda l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-Qorti. Id-Direttur Ġenerali tal-MDA, Dr Marthese Portelli, saħqet li tittama li ssir ġustizzja sħiħa malajr kemm jista’ jkun.

Rappurtaġġ addizzjonali: Christoph Schwaiger