Jitla’ għal 6 l-għadd ta’ persuni arrestati dwar it-traġedja fil-Ħamrun

Aġġornat 03:24 PM
Miguela Xuereb

Read in English.

Tela’ għal sitta l-għadd ta’ persuni li qed jinżammu taħt arrest b’rabta mat-tiġrif ta’ dar fil-Ħamrun li wassal għall-qtil kiesaħ u biered ta’ Miriam Pace, omm ta’ 54 sena.

Dalgħodu, fi stqarrija l-pulizija spjegat li dawk arrestati huma s-Site Technical Officer, il-Perit tal-proġett u żewġ ħaddiema. Huma qed jiġu mitkellma mill-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun.

F’aġġornament tal-istqarrija li wasal għall-ħabta tat-3.15pm, il-Pulizija kkonfermat li arrestat żewġ persuni oħrajn b’rabta mal-inċident tal-bieraħ. Iż-żewġ persuni li qed jinżammu mill-Pulizija huma l-kuntratturi mqabbdin mill-iżviluppatur responsabbli mill-proġett.

Għall-ħabta tas-2.15pm ilbieraħ, il-Pulizija ġiet ifurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Antonio Miruzzi. Il-Pulizija talbet l-assistenza immedjata tal-Membri tal-Protezzjoni Ċivili u timijiet mediċi mid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Intalbet ukoll l-assistenza ta’ Transport Malta sabiex jinżamm kontroll tat-traffiku.

Bdiet ħidma immedjata biex tiġi salvata mara maqbuda qalb t-tifrik tad-dar li waqgħet. Kelb tas-Sezzjoni K-9 tal-Protezzjoni Ċivili, imħarreġ apposta biex ifittex qalb bini mwaqqa’, indika post qalb it-tifrik fejn setgħet kienet il-mara. Kienu għall-ħabta tal-9.55pm, x’ħin instab il-katavru tal-mara. Wara li l-kadavru nħareġ, ittieħed fil-Kamra Mortwarja ta’ Mater Dei.

Il-vittma kellha 54 sena u kienet omm ta’ żewġ ulied. It-tfittxija damet għaddejja iżjed minn tmien sigħat. Żewġha deher fuq il-post jingħata s-sabar minn xi qraba. Ir-residenti l-oħra ġew evakwati.

Preżenti fuq il-post kien hemm uffiċjali mill-Victim Support Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija sabiex jassistu lill-qraba tal-vittma u persuni oħra.