4 persuni arrestati wara sejba tal-kannabis

Erba’ persuni ġew arrestati wara sejba tad-droga kannabis.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-istħarriġ tal-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga dwar il-movimenti ta’ persuni suspettati li qed jittraffikaw id-droga kien ilu għaddej għal diversi jiem.

Uffiċjali tal-Pulizija mbagħad għamlu tfittxijiet f’residenzi, għelieqi, rziezet , u vetturi fil-Ħamrun, fir-Rabat, u fil-Mosta. Waqt dawn it-tfittxijiet il-Pulizija sabet madwar tliet kilogrammi droga suspettata ħaxixa tal-kannabis.

B’rabta ma’ dan il-każ ġew arrestati tliet irġiel u mara. L-irġiel huma residenti r-Rabat u l-Mosta u għandhom 29, 27, u 26 sena. Il-mara għadha 55 sena u toqgħod il-Mosta.