4 immigranti arrestati wara li ħarbu miċ-ċentru ta’ detenzjoni

Pulizija
Miguela Xuereb

Il-Ħadd, il-pulizija arrestat erbat irġiel li ħarbu miċ-ċentru ta’ detenzjoni fil-ġimgħat li għaddew.

Fi stqarrija l-pulizija spjegat li l-pulizija bdiet din l-operazzjoni għall-ħabta tas-2pm. Dawn l-arresti saru wara ħidma konġunta bejn il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, tal-Immigrazzjoni, tad-Distrett tal-Ħamrun u d-Distrett tal-Belt Valletta li mexxew din l-operazzjoni.

Il-pulizija spjegat li huwa ċċirkondaw ir-residenza fi Triq il-Kappillan Mifsud, il-Ħamrun wara informazzjoni li xi immigranti kienu qegħdin jistaħbew fiha. Żiedu li malli l-immigranti indunaw bil-preżenza tal-pulizija huma pruvaw jaħarbu minn fuq il-bjut iżda nqabdu mill-ewwel.

L-irġiel li tlieta minnhom huma Marokkini u l-ieħor Alġerin tressqu b’arrest il-Qorti llum, quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia, akkużati li ħarbu minn post ta’ detenzjoni. Tnejn mill-irġiel kienu akkużati wkoll li kissru l-paċi pubblika u kienu fis-sakra fil-Belt Valletta fl-24 t’Ottubru. Huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi u ma għamlux talba għal ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Michael Vella u Doriette Cuschieri.