4 pazjenti f’Monte Karmeli jittieħdu l-isptar b’overdose – rapporti

Erba’ pazjenti ta’ Monte Karmeli ttieħdu l-Isptar Mater Dei minħabba li kkunsmaw doża eċċessiva ta’ droga sintetika, skont rapporti.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-Isptar Mater Dei dwar il-każ madanakollu intlabna nikkuntattjaw lill-Ministeru tas-Saħħa. Kellimna lill-kelliema għall-Ministeru permezz tat-telefown madanakollu ntalbna nibgħatu l-mistoqsijiet permezz ta’ imejl. Risposta sal-ħin tal-pubblikazzjoni għadha ma waslitx.

Is-sorsi li tkellmu mal-gazzetta Times of Malta qalu li l-inċident seħħ il-Ħamis filgħaxija meta l-infermiera li kienu qed iduru l-pazjenti indunaw li tliet irġiel kienu mitlufin minn sensihom fil-ward tagħhom. Qalu li minkejja li r-raba pazjent kien f’sensih, kien jidher li kien taħt l-effett tad-droga.

Skont ir-rapport, it-tliet pazjenti li nstabu mitlufin minn sensihom inżammu l-Isptar Mater Dei għal aktar trattament. Min-naħa l-oħra, r-raba pazjent ġie eżaminat u ftit wara rilaxxat.

Intant f’reazzjoni għal dan, kelliema għal Gvern qalet lil Newsbook.com.mt li l-erba’ pazjenti intbagħtu lura lejn l-Isptar Monte Karmeli u l-Pulizija wettqu rejd fis-sala kkonċernata. Il-kelliema kkonfermat li l-awtoritajiet f’Monte Karmeli se jieħdu l-passi meħtieġa wara li tintemm l-investigazzjoni.