4 nisa jinstabu maqtula f’Ċipru; Il-Ministru għall-Ġustizzja jirreżenja b’rabta mal-investigazzjoni

Reuters

Il-Ministru għall-Ġustizzja ta’ Ċipru rreżenja wara li l-pubbliku kkritika l-mod kif il-pulizija investigat l-għajbien ta’ nisa barranin, li sfaw vittmi ta’ qattiel suspettat li rnexxielu joqtol mara wara oħra bla ma jinqabad għal 3 snin.

Erba’ nisa nstabu mejta fit-tliet ġimgħat li għaddew, bil-katavri tagħhom mitfugħin fi 3 postijiet differenti fil-Punent ta’ Nikosija. Il-pulizija bħalissa qed jinvestigaw l-għajbien ta’ 3 persuni oħra, fosthom 2 bniet ta’ 6 u 8 snin.

Uffiċjal tal-armata li qatta’ 35 sena fis-servizz qiegħed jinżamm mill-pulizija, li qalu li ammetta li qatel 7 persuni wara li għamel kuntatt man-nisa fuq sit tal-online dating.

Il-Ministru Ionas Nicolaou qal lill-ġurnalisti li hu informa lill-President li se jirreżenja minħabba raġunijiet ta’ sensittività politika. Minkejja dan, huwa żied jgħid li r-reżenja tiegħu ma tridx titqies daqslikieku hu qed jerfa’ r-responsabbiltà għal dan il-qtil, iżda ammetta li jidher li kien hemm xi nuqqasijiet min-naħa tal-pulizija.