4 modi kif tnaqqas l-ansjetà kkawżata mill-coronavirus

Iċ-Chairman tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali, il-Psikjatra Anton Grech stqarr li l-pajjiż qatt ma ltaqa’ ma’ sitwazzjoni bħal din li qed ngħixu bħalissa, u għaldaqstant hemm bżonn li nagħmlu ċertu affarijiet biex inżommu saħħa mentali tajba. Insista li l-ansjetà fil-pajjiż żdiedet u hi xi ħaġa li wieħed għandu jagħti kasha.

Ma’ Newsbook.com.mt,  Dr Anton Grech elenka erba’ affarijiet li huma strumentali biex kull persuna tgħix ħajja sana u tnaqqas kemm tista’ l-ansjetà:

  • Naqqas il-biża’ ta’ x’jista’ jiġri (fear of the unknown): L-ansjetà hija riżultat tal-biża’ ta’ x’jista’ jiġri u għaldaqstant għandna nedukaw ruħna kemm nistgħu, filwaqt li nagħmlu dak li nistgħu nagħmlu.  Il-fatt li hemm affarijiet li tista’ tagħmel iżidlek il-kontroll u awtomatikament inaqqaslek l-ansjetà. Irrefera għall-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa fost l-oħrajn: 1) social distancing: ma noħorġux mid-dar mingħajr raġuni valida u nżommu distanza ta’ żewġ metri mill-oħrajn 2) naħslu jdejna b’mod regolari. B’hekk inkunu qed inxekklu lil virus milli jkompli jixtered.
  • Illimita l-ħin li tkun espost għall-informazzjoni: Hawn min jgħaddi ġranet jaqra u jisma’ dwar il-coronavirus. Huwa rrakkomandat li dan ikun limitat għal sagħtejn f’ġurnata li jinkludi kemm l-aħbarijiet kif ukoll il-mezzi soċjali. Ħafna informazzjoni tista’ żżid l-ansjetà.
  • Informazzjoni uffiċjali: Wieħed irid joqgħod attent li ma jemminx u ma jimxix fuq informazzjoni li tista’ ma tkunx veru. Għaldaqstant l-appell hu li f’Malta wieħed isegwi dak li qed jgħidu l-awtoritajiet tas-saħħa.
  • Agħraf kif tqatta’ l-ħin id-dar: Hu importanti li tagħmel attivitajiet li jaljenawlek moħħok, biex ma toqgħodx thewden fuq is-sitwazzjoni. Aħseb ftit, mur lura fiż-żmien, u ara x’kont tħobb tagħmel qabel ma kont daqstant impenjat u ibda għamel dawk l-affarijiet: eżerċizzju fid-dar, qari, mużika. B’hekk il-moħħ iżżommu okkupat b’affarijiet li jagħtuk sodisfazzjon.

Dr Anton Grech insista li dan mhux żmien li wieħed iwaqqaf il-kura mingħajr parir mediku. Fl-istess waqt fakkar li huwa normali li min diġà jbati b’ansjetà jew b’Obsessive Compulsive Disorder (OCD) marbuta mas-saħħa, f’dan iż-żmien se tkun qed tiżdiedlu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn