$4 miljun għal bint Elvis biex tikxef il-borom dwar l-eks żewġha Michael Jackson

Lisa Marie Presley, bint Elvis, iffirmat ftehim ma’ Gallery Books biex titħallas $4 miljun biex tikteb ktieb li fih tikxef bosta sigrieti dwar l-eks żewġha Michael Jackson. Dawn it-tnejn kienu miżżewwġa bejn l-1994 u l-1996.

Filwaqt li tul is-snin Lisa Marie, li llum għandha 51 sena, dejjem qalet li hi u Jackson kellhom ħajja normali, dan il-ktieb li se toħroġ x’aktarx se jagħti stampa totalment differenti ta’ dak li kien jiġri bejneithom.

Diġà qed jingħad li d-dettalji li se tiżvela Lisa Marie Presley f’dan il-ktieb se jkunu xokkanti u li żgur li ħadd qatt ma kien jimmaġina.

S’issa bint Presley dejjem baqgħet siekta u ddefendiet lil Jackson, minkejja l-bosta allegazzjonijiet li saru, speċjalment fid-dokumentarju Leaving Neverland tal-istazzjon HBO li xxandar għall-ewwel darba ftit tax-xhur ilu.

F’dan il-ktieb tagħha, li s’issa għadu mingħajr isem, Lisa Marie msitennija titkellem ukoll dwar missierha Elvis, li kien miet fl-1977 meta hi kellha bissa 9 snin.

Fl-1993, f’għeluq il-25 sena tagħha, Lisa Marie wirtet Graceland, l-estate ta’ Elvis li kienet stmata li tiswa’ $100 milju. Fl-2004 hi biegħet 85% tal-ishma ta’ din il-proprjetà.

Apparti ma’ Michael Jackson, Lisa Marie kienet ukoll miżżewwġa lil Danny Keough, Nicolas Cage u Michael Lockwood.

Hi omm ta’ erbat wlied, Riley Keough, Benjamin Keough, Finley Aaron Love Lockwood u Harper Vivienne Ann Lockwood.