4 mapep tal-Assedju l-Kbir rikonoxxuti fil-lista tal-UNESCO

Erba’ mapep uniċi ta’ żmien l-Assedju l-Kbir tal-1565 ingħataw rikonoxximent dinji mill-UNESCO hekk kif saru parti mir-Reġistru tal-Memorja tad-Dinja tal-UNESCO.
Din hija l-ewwel darba fl-istorja li Malta qiegħda f’din il-lista prestiġjuża u hija żieda ġdida u pożittiva mas-siti tal-patriomnju dinji tal-UNESCO li huma f’idejn Heritage Malta.
Tlieta minn dawn il-mapep jagħmlu parti mill-kollezzjoni kartografika tal-MUŻA, u r-raba’ waħda tappartjeni għall-Fakultà tax-Xjenza f’Charles University fi Praga.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Kultura Owen Bonnici faħħar din il-kisba u qal li hija kisba “unika u storika”.
Il-UNESCO stqarrew li l-inklużjoni ta’ din id-dokumentazzjoni tal-patrimonju fir-Reġistru Dinji tal-Memorja jirrifletti l-valur tagħha u toffri opportunità eċċellenti biex tingħata attenzjoni lill-importanza tal-memorja u l-ħarsien kollettiv tagħha.