4 Maltin issanzjonati mill-Istati Uniti fuq traffikar taż-żejt mil-Libja

L-Uffiċċju Amerikan tat-Teżor għall-Kontroll tal-Assi Barranin (OFAC) għadu kemm issanzjona 4 Maltin minħabba l-involviment tagħhom fil-kuntrabandu taż-żejt mil-Libja, fosthom Darren Debono.
Ma’ Debono jissemmew Gordon Debono, Rodrick Grech u Terence Micallef, flimkien ma’ Fahmi Ben Khalifa, imlaqqam ir-re tat-traffikar fil-Libja, u Ahmed Ibrahim Hassan Ahmed Arafa.
Darren Debono kien ġie arrestat f’Lampedusa f’Ottubru li għadda, u fl-ewwel jiem wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, kien hemm rapporti fil-midja li seta’ kien involut.
Ma’ dawn l-Uffiċċju qal li qed jissanzjona 24 entità oħra u seba’ bastimenti, u fost l-oħrajn l-akkużi huma li hedew il-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Libja minħabba l-produzzjoni, l-irfinar, il-bejgħ u x-xiri ta’ żejt mil-Libja.
Fl-2016, Darren u Gordon Debono kienu ffurmaw katina ta’ kuntrabandu ta’ żejt illeċitu minn Zuwarah fil-Libja lejn Malta u l-Italja, li allegatament rendielhom €30 miljun.
Jidher li Ben Khalifa kien jieħu ħsieb iż-żejt mil-Libja, filwaqt li l-Malti l-ieħor Rodrick Grech kien jieħu ħsieb jittrasporta dan iż-żejt lejn portijiet Ewropej, fejn hemmhekk kien jinbiegħ b’dokumenti foloz, li allegatament kienu jiġu ffalsifikati minn Ahmed Arafa, li għandu ċittadinanza Maltija-Eġizzjana.
Barra dan, Terence Micallef kellu kumpanija shell f’Malta li kienet tbigħ daż-żejt fl-Ewropa.
L-azzjoni li ttieħdet illum mill-OFAC tattakka wkoll 21 kumpanija li għandhom Darren u Gordon Debono, u tliet kumpaniji oħra. L-akkużi huma l-esplojtazzjoni illeċita taż-żejt u riżorsi naturali oħra fil-Libja.
Fost dawn il-kumpaniji hemm ir-ristorant Scoglitti fil-Belt Valletta u Marie De Lourdes Company Limited, World Water Fisheries Limited, u Andrea Martina Limited, kollha ta’ Darren Debono.
Il-kumpaniji ta’ Gordon Debono msemmija huma dawn: Petroplus Limited, li hi bbażata f’Malta, The Business Centre Ltd., Inovest Ltd., KB Lines Limited, Motorcycle Art Ltd., Hi-Low Properties Ltd., Eleven Eighty Eight Limited, Malta Directories Ltd., Mr. Handyman Ltd., KB Investments Limited, Seabrass Limited, Tara Limited, Krakern Limited, Gorge Limited, S-Cape Yacht Charter Limited, S-Cape Limited, u Petropark S.R.L, ibbażata fl-Italja.
Ma’ dawn jiżdiedu ADJ Trading Ltd u Oceano Blu Trading Ltd, kumpaniji bbażati f’Malta, u Tiuboda Oil u Gas Services LLC, kumpaniji bbażati fil-Libja.
Il-bastimenti ssanzjonati huma THEODOROS, bastiment propjetà ta’ ADJ Trading, PROGRES, ZEUS, u BONU 5 tal-kumpanija Andrea Martina, u MARIE DE LOURDES, MARIE DE LOURDES I, u MARIE DE LOURDES V ta’ World Water Fisheries.
Is-sanzjoni tfisser li kull proprjetà jew interess għall-proprjetà tal-kumpaniji msemmija tkun imblukkata fil-ġurisdizzjoni Amerikana, u persuni mill-Istati Uniti ma jkunux jistgħu jkollhom x’jaqsmu fin-negozju mal-individwi ssanzjonati, lanqas mal-kumpaniji tagħhom.
Fir-ritratt: Darren Debono (lemin) u Ben Khalifa