Aġġornata: 4 l-isptar wara ħabta f’San Pawl il-Baħar

Photo: Archives

Ħabta f’San Pawl il-Baħar kmieni dalgħodu wasslet sabiex erba’ persuni jittieħdu l-isptar.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li l-inċident seħħ fit-3.20am fi Triq Għajn Tuffieħa. L-impatt seħħ bejn żewġ karozzi, it-tnejn misjuqa minn persuni barranin.

Karozza minnhom kienet misjuqa minn mara ta’ 40 sena oriġnarjament mill-Indoneżja iżda tgħix San Pawl il-Baħar. Magħha kellha tliet passiġġieri, raġel barrani li d-dettalji tiegħu mhux magħrufa, raġel ieħor ta’ 28 sena orġinarjament mill-Maċedonja iżda residenti San Pawl il-Baħar u passiġġiera ta’ 38 sena oriġinarjament mill-Maċedonja iżda residenti San Pawl il-Baħar. Il-mara ta’ 38 sena weġġgħet gravi. Ir-raġel ta’ 28 sena weġġa’ ħafif. Filwaqt li ż-żewġ persuni l-oħrajn indarbu ħafif.

Intant il-karozza l-oħra kienet misjuqa minn raġel ta’ 30 sena oriġinarjament mill-Maċedonja u resident San Pawl il-Baħar. Miegħu kien hemm passiġġiera mara barranija. Dawn ma sofrew l-ebda ġrieħi.

Fuq il-post issejħu diversi ambulanzi sabiex jassisstu.