4 jmutu, 26 mweġġa’ wara li xarabank tilef il-kontroll f’Utah

A view shows a bus carrying Chinese-speaking tourists after it crashed off a road near Bryce Canyon National Park in Utah, U.S., September 20, 2019. Utah Highway Patrol/Handout via REUTERS

Erbgħa passiġġieri Ċiniżi mietu filwaqt li 26 persuna oħra weġgħu wara li x-xarabank li kienu fuqha ħarġet mit-triq u ħabtet viċin tal-Bryce Canyon National Park f’Utah, l-Amerika. L-awtoritajiet Amerikani qalu li fost is-26 passiġġier hemm ħafna minnhom f’qagħda kritika.

L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ 11.30am fuq ir-rotta 12. Il-kawża tal-ħabta għadha mhix magħrufa iżda skont l-uffiċjali tal-post jidher li mhux minħabba t-temp.

Għal xi raġuni x-xufier tilef il-kontroll tax-xarabank b’konsegwenza li spiċċa fuq in-naħa tat-triq. Ix-xarabank inqaleb u reġa’ ġie lura fuq ir-roti. Ir-ritratti juru s-saqaf tax-xarabank sfronda fuq il-passiġġieri.

Is-26 persuna ttieħdu f’diversi sptarijiet. Huma ġew iċċertifikati b’ġrieħi li jvarjaw minn ħfief għall-periklu ta’ mewt. Ħamsa mill-vittmi ġew evakwati bil-ħelikopter lejn l-isptarijiet.

Id-29 passiġġier kienu kollha ċittadini Ċiniżi filwaqt li x-xufier huwa Ċiniż Amerikan.

Kien hemm problema ta’ kommunikazzjoni mal-vittmi minħabba li dawn kienu jitkellmu biss Mandarin.

L-ambaxxata Ċiniża f’Washington qalet li se jintbgħatu persuni fiż-żona biex jgħinu l-vittmi. Hi rringrazzjat lill-awtoritajiet ta’ Utah tal-assistenza li ngħatat.